Mit-2 ta’ Mejju se jitneħħew kważi l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni kontra l-Covid-19 hekk kif issa pajjiżna qed jersaq lejn żmien ta’ normalità b’responsabbiltà. Dan ħabbru d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, f’konferenza tal-aħbarijiet.
“Però, issa mit-2 ta’ Mejju ħa nkunu qegħdin inneħħu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni li għad fadal ħlief għal dawk li ser insemmi issa. Il-kunċett irid ikun li fil-ġimgħat u l-ġranet li ġejjin immorru għal normalità b’responsabbilità.”
Mit-2 ta’ Mejju wkoll se jkun neċessarju li jibqgħu f’iżolament biss dawk il-persuni li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19.
Dawn jagħmlu test wara sebat ijiem u jkunu jistgħu joħorġu jekk jirriżultaw fin-negattiv.
Din ir-regola se tgħodd għal kulħadd, imlaqqma jew m’humiex.
Mit-tnejn ta’ Mejju, il-kuntatti primarji kollha mhux se jibqa’ jkollhom l-obbligu li jibqgħu fi kwarantina.
Lanqas dawk li jgħixu fl-istess dar ma’ persuna pożittiva m’huma se jkunu obbligati li joqogħdu kwarantina iżda fit-tielet ġurnata wara li joħroġ il-każ pożittiv għandhom jagħmlu test sabiex iħarsu saħħithom u ta’ dawk ta’ madwarhom.
Min-nhar it-Tnejn li ġej mhux se jibqa’ obbligatorju li fl-iskejjel tintlibes il-maskra.
Il-maskri se jibqgħu obbligatorji biss fl-isptarijiet, fil-kliniċi, fid-djar tal-anzjani, u fuq it-titjiriet bl-ajruplan.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li n-numru ta’ persuni li jinsabu fl-ITU bil-Covid baqa’ stabbli.
Illum ġew irreġistrati 249 każ ġdid ta’ Covid-19; anke dan in-numru huwa aktar baxx min-numri reġistrati fl-aħħar jiem u ġimgħat.
Bħalissa huma tnejn il-persuni li qegħdin l-ITU minħabba l-Covid-19. Minn dawk kollha li bħalissa qegħdin l-isptar huma biss 39 li qed jirċievu trattament għall-Coronavirus.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li l-politika tal-Gvern f’dawn l-aħħar xhur ta’ pandemija kienet li s-saħħa tingħata prijorità.
Huwa nnota kif Malta hija wieħed mill-pajjiżi li għandhom l-ikbar rata ta’ tilqim.
Stqarr kif issa l-mira hija li, sat-2 ta’ Mejju, tkun ġiet offruta t-tieni doża tal-booster lill-anzjani kollha li għandhom aktar minn 80 sena.
Dwar l-ivvjaġġar, se tibqa’ s-sistema ta’ żoni ħomor u dawk ħomor skuri; dan anke b’konformità ma’ dak li jiġri fil-kumplament ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Iżda, mit-2 ta’ Mejju ’l quddiem, il-Passenger Locator Form, magħrufa bħala l-PLF, mhux se tibqa’ neċessarja.
Testijiet mingħajr ħlas se jibqgħu aċċessibbli u se jibqgħu miftuħin iċ-ċentri ta’ Boffa, Ħal Qormi, Mater Dei, Pembroke, Burmarrad, u Għawdex.
Il-helplines ukoll se jibqgħu disponibbli u l-ħinijiet mit-2 ta’ Mejju ’l quddiem se jsiru mis-7 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt u l-Ħadd sal-4 ta’ waranofsinhar.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, stqarret kif in-numru ta’ persuni li jiddaħħlu fl-ITU minħabba l-Covid-19 huwa l-istatistika li l-iktar turi s-suċċess li wieħed ikun qed ikollu kontra l-firxa tal-virus għax dan joffri stampa ċara tas-sitwazzjoni.
Hija spjegat ukoll kif il-vaċċinazzjoni qed tnaqqas in-numru ta’ dawk li jmutu b’kawża diretta tal-Covid-19.
“Jekk tħares lejn id-data bejn Marzu, fil-bidu nett tat-2020, sat-18 ta’ April ta’ din is-sena, rajna li kellna 76% overall ta’ dawn l-imwiet li kienu relatati mal-Covid bħala direct underlying cause, jiġifieri l-Covid kien qed jikkaġuna l-imwiet. Jekk inħarsu lejn x’ġara dan l-aħħar, aħna qed naraw li f’April il-każijiet li kellna li mietu kellna 51.3% minnhom li l-Covid kien direct cause tal-imwiet.”