Gvern Laburista żied in-nefqa kapitali fil-qasam tas-saħħa kif ukoll dik rikorrenti. Dan għax konxju li mit-tkabbir ekonomiku jridu jgawdu dawk l-iktar vulnerabbli u li jkollhom bżonn il-wens tal-Gvern.
Dan innotaħ il-Membru Parlamentari Franco Mercieca, li osserva li ċ-ċittadini qed igawdu minn servizzi ta’ saħħa aktar sostenibbli, b’servizz aktar effiċjenti. Dan sar bi tnaqqis fil-listi ta’ stennija, fosthom fis-servizzi tal-MRI, operazzjonijiet tal-kattaretti u hip replacament, fost oħrajn.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Gvern Laburista huwa garanzija għall-poplu Malti li s-servizz tas-saħħa se jibqa’ bla ħlas. Il-Ministru spjega li l-Partit Nazzjonalista b’Simon Busuttil mhux biss irid li jnaqqas l-investiment fil-qasam tas-saħħa u għalhekk jonqsu s-servizzi offruti, iżda jrid ukoll li jimponi li ċ-ċittadini Maltin iħallsu għas-servizzi tas-saħħa.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li l-ispiża fuq il-mediċini fl-2012 kienet €64 miljun. Illum hija €92 miljun, jiġifieri żieda ta’ 44%. Illum qed jintefqu miljuni fl-IVF, meta taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, ma kien hemm investiment ta’ xejn fil-qasam. Fil-iskema Pharmacy of Your Choice, fl-2012 kienu ntefqu €3 miljun.
Ilum jintefqu €11 miljun, jiġifieri kważi erba’ darbiet aktar. Issemma wkoll il-manutenzjoni ta’ makkinarju mediku. Fl-2012 kienu ntefqu ftit aktar minn €8 miljuni. Illum jintefqu aktar minn €12 miljuni, ċioe 52% aktar. Fuq l-Isptar Monte Karmeli kienu ntefqu €24 miljun fl-2012, mentri llum jintefqu €31 miljun, jiġifieri żieda ta’ 30%.
Ma setgħatx tonqos referenza għall-pagi u salarji tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Fl-2012 kienu ntefqu €166 miljun. Illum jintefqu €250 miljun, ċioe żieda ta’ 51%. Mercieca u Fearne osservaw li Simon Busuttil u sħabu kienu jgħidu li din hija kollha spiża fil-ħela.
Temmew jgħidu li hija ċara li taħtu, dan iż-żidiet jitneħħew. L-impatt ta’ dan fuq is-saħħa tal-Maltin u Għawdxin ikun drastiku u jirriżulta fi tbatija.