Il-MaltaToday żvelat dalgħodu li l-pulizija kienu talbu lill-Maġistrat Inkwirenti biex jiġbor il-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia. Iżda, mhux magħruf jekk dan inġabarx bil-Maġistrat jgħid li ma jistax jikkummenta meta mistoqsi jekk talabx il-laptop lill-familja ta’ Caruana Galizia. “Ma nistax inwieġeb għax l-investigazzjoni min-naħa tiegħi għadha pendenti,” qal il-Maġistrat Anthony Vella. Jirriżulta li l-pulizija ilhom li għamlu t-talba tagħhom.
Jirriżulta li l-laptop li kienet tuża Caruana Galizia għandu tagħrif importanti dwar l-investigazzjoni. Bl-espert tal-Qorti Alfred Cardona, jgħid li l-uniku laptop li ngħata biex janalizza kien dak li Daphne Caruana Galizia kienet tuża sal-2015.
Il-MaltaToday staqsiet lil żewġha Peter Caruana Galizia dwar jekk il-familja għandhiex il-laptop iżda ma riedx iwieġeb. “Mhux qed inwieġeb mistoqsijiet. Mhux nagħmel intervisti,” qal Caruana Galizia anke jekk familtu speċjalment uliedu jikkummentaw il-ħin kollu u għaddejjin b’kampanja jitkellmu dwar il-każ madwar l-Ewropa.
Bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hemm tliet persuni akkużati u l-pulizija Maltija li ħejjiet flimkien ma’ esperti barranin għandha każ b’saħħtu. Iżda, persuni midħla tal-investigazzjonijiet jgħidu li l-laptop riċenti jista’ jkun importanti anke biex ikun stabbilit il-mottiv.