Il-pressjoni fuq Bernard Grech u d-dikjarazzjonijiet tad-dħul tiegħu kompliet tiżdied.
Dan wara li stħarriġ mill-gazzetta t-Torċa li sar flimkien ma’ aġenzija tar-riżorsi umani dwar il-pagi tal-avukati, qajjem mistoqsijiet kbar.
Is-sena li għaddiet, il-Kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddikjara dħul ta’ €28,970.
Madankollu l-aġenzija Castille Resources spjegat li avukat li għadu jilħaq jaqla’ paga ta’ bejn €20,000 u €28,000.
Dan filwaqt li avukat bl-esperjenza ta’ Bernard Grech huwa stmat li jdaħħal bejn €60,000 u €70,000 f’sena.
Diskrepanza ta’ aktar minn €40,000 meta mqabbel ma’ dak li ddikjara Grech.
Saħansitra fi żmien ta’ pandemija ditta lokali ta’ riżorsi umani għal avukat b’esperjenza ta’ tliet snin biss qed tirreklama xogħol b’salarju bażiku ta’ bejn €33,000 u €35,000.
Għal avukati b’aktar esperjenza din iċ-ċifra titla għal bejn €55,000 u €62,000 f’sena.
Madankollu l-mistoqsijiet ma jieqfux hawnekk.
Esperti finanzjarji mal-istess gazzetta nnutaw ukoll kif f’ħames snin il-paga ta’ Bernard Grech naqset minn €37,500 għal €28,790.
Dan meta fl-istess perjodu avukat li fl-2018 iddikjara dħul bħal dak ta’ Bernard Grech, sal-2019 il-paga żdiditlu bi 11% jew b’€4,000.
Anke avukat mal-Gvern li għadu jibda, fl-aħħar ħames snin ra żieda ta’ €3,000 fis-sena.
Għal Grech il-paga naqset bi €8,710.
Fil-fatt l-analisti finanzjarji jkomplu jispjegaw kif din id-disprepanza kbira kienet isseħħ biss jekk avukat titnaqqaslu l-iskala tiegħu bi tliet gradi f’ħames snin.
Dawn il-mistoqsijiet qed iqajmu wkoll suspett fl-għanijiet wara l-kandidatura ta’ Bernard Grech għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif il-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-sena l-oħra kienet tinvolvi pakkett ta’ €48,187.
B’hekk jekk Grech jirbaħ l-elezzjoni tal-Kap jfisser li ser iżid il-paga tiegħu b’66%.
Il-mistoqsijiet jmorru wkoll lil hinn mid-dikjarazzjoni ta’ dħul ta’ Grech fl-2019.
Fl-2009 Bernard Grech iddikjara dħul ta’ €6,500 meta l-paga minima nazzjonali kienet ta’ €7,616. Ċifra li skond analisti finanzjarji hija inspjegabbli meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza li kellu Grech bħala avukat.
L-istess għall-2015 meta Grech iddikjara dħul ta’ €15,000 f’sena.
Dik is-sena avukat li jagħti biss għajnuna legali fil-Qorti kien jitħallas minimu ta’ €16,666 sa €19,113.
Madankollu fid-dawl ta’ dan kollu, Bernard Grech waħħal fil-Partit Laburista għan-nuqqasijiet serji tiegħu.