Fil-ħin tal-aġġornament tas-seduta parlamentari tal-Erbgħa filgħaxija, il-whip tal-Gvern Glenn Bedingfield tkellem dwar l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista meta tinfexx fuq attakki personali.
Glenn Bedingfield saħaq li membri tal-Oppożizzjoni jmorru fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jipprofessaw u jagħmlu attakki viljakki iżda mbagħad hemm mistoqsijiet kbar fuqhom.
Id-deputat Laburista semma fost oħrajn il-kumpanija tal-proprjetà, Hummingbird, li hi ta’ membru tal-Oppożizzjoni li għandu jiddikjara x’interessi kummerċjali kellu permezz tal-kumpanija msemmija ma’ kumpanija oħra li kellu sehem dirett magħha, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
L-Onor. Bedingfield staqsa: “Ta’ min hi din il-kumpanija Hummingbird Properties Ltd u minn mindu sirna nafu illi Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black u minn mindu kien akkużat il-Qorti, is-sidien ta’ din il-kumpanija tterminaw ir-relazzjoni kummerċjali illi kellhom mal-kumpanija fejn Yorgen Fenech kellu sehem dirett jew għad għadu sehem indirett?”
Glenn Bedingfield staqsa wkoll jekk is-sid tal-kumpanija Hummingbird kienx jagħmel in-negozjati diretti ma’ Yorgen Fenech innifsu.
Hawnhekk staqsa liema huma l-lukandi involuti f’din ir-relazzjoni kummerċjali.
Bedingfield staqsa min hu dak id-deputat Nazzjonalista li għadu jagħti servizzi legali lill-kumpaniji li Yorgen Fenech għandu sehem dirett jew indirett fihom.
Bedingfield qajjem ukoll mistoqsijiet dwar sitwazzjonijiet oħra, fosthom dwar organizzar ta’ festini għand in-negozjant Yorgen Fenech.
Huwa sostna: “Liema MPs organizzaw il-parties għand Yorgen Fenech? MPs tal-Oppożizzjoni qed ngħid. U dawn il-parties illi saru, kienu parties li ħallsu għalihom? Jew parties illi saru b’xejn? Jgħidulna minn organizza l-parties, min kellu xi birthday party organizzat għand is-Sur Fenech.”
Bedingfield semma wkoll li hemm nies prominenti oħra fil-Partit Nazzjonalista li llum qed ikunu mbuttati ħafna u anki tqabbdu mill-Kap Adrian Delia biex imexxu policy forum tal-Partit Nazzjonalista.
Id-deputat Laburista staqsa min hi din il-persuna illi għadha tagħti servizzi legali lill-kumpaniji li Yorgen Fenech għad għandu jew riċentament kellu interess fihom.
Fl-aġġornament parlamentari, Bedingfield staqsa wkoll min hu dak id-deputat Nazzjonalista li sa ftit taż-żmien ilu kien jittallab lil Yorgen Fenech biex itih kamra fil-lukanda lussuża tal-Hilton:
“Liema hu d-deputat tal-Partit Nazzjonalista illi kien imur sa ftit taż-żmien ilu jittallab lil Yorgen Fenech biex itih xi kamra fil-Hilton jew biex itih il-membership jew idaħħlu fil-pool b’xejn? Jgħidulna minn min minnhom. Hawnhekk jiġi jgħajjarna, imbagħad joħroġ minn hawn u jmur jittallab għal xi kamra jew kien ikollu l-birthday u jkun irid imur jiekol u imbagħad joqgħod over night stay b’xejn naturalment.”