Iktar minn erbgħa u għoxrin siegħa wara li kien żvelat li Adrian Delia sab ħamsa u ħamsin elf ewro cash biex jibda jħallas it-taxxa, Delia tkellem għall-ewwel darba minn fejn ġabhom.
Qal għall-ewwel darba li l-flus ġabarhom mingħand min kellu jagħtih meta kien avukat.
Xogħol li suppost ma baqax jagħmel mis-sajf li għadda meta kien qed jikkampanja biex isir kap.
Għal raġunijiet li ħafna staqsew dwarhom Delia ħeba li kien beda jħallas it-taxxa u kixfitu l-gazzetta KullĦadd.
Il-Ħadd filgħodu tkellem dwar hekk f’intervista, iżda ma qal xejn dwar minn fejn ġab il-flus.
Kellu jwieġeb meta stsaqsih il-preżentatur ta’ Realtà l-għada Tnejn.
Kien baqalgħi niġbor xi flus u min hemm kelli l-abbiltà li nħallas. Ħa nkun ċar daqs kristall li żgur mhux flus tal-maratona assolutament dik hija…
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tiegħu ma’ tat-taxxa llum ma kienx ċar, għalkemm il-Ħadd Delia qal li hi kwistjoni magħluqa.
Delia tkellem ukoll dwar il-Partit Nazzjonalista u l-mod kif iġib il-flus. Fosthom kien mistoqsi dwar il-każ tal-invoices foloz. Beda billi qal li għandu fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali.
Iżda, malajr dawwar kollox meta l-preżentatur staqsih allura għaliex se jibqa’ għaddej bil-kawża l-Qorti kontra l-Kummissjoni Elettorali biex din ma tinvestigax l-iskema tal-invoices foloz mħaddma mill-Partit Nazzjonalista.
Delia beda billi qal li ma jafx li kien hemm xi issue. Iżda, meta ffaċjat bil-kwistjoni kkonferma li se jibqa’ għaddej b’din il-kawża.
Mhux kwistjoni nibqgħux għaddejin. Jekk hemm kwistjoni li għaddejja u hemm riżultat li jrid jiġi mogħti dik l-awtorità trid tasal għal deċiżjoni.
B’hekk Delia se jkun qed iħalli fejn beda Simon Busuttil fl-attakk fuq il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.