Fis-sigħat li ġejjin mistennija żviluppi importanti b’rabta mal-Crafts Village f’Ta’ Qali, b’sidien ta’ negozji fl-akwata iddikjaraw ma’ ONE NEWS li llum iktar minn qatt qabel qed jemmnu li dan huwa proġett possibbli.
Fl-aħħar tliet snin amministrazzjoni ġdida, permezz tal-Malta Industrial Parks, iddiskutiet mas-sidien tan-negozi u ġabet impenn li s-sitwazzjoni tinbidel. Il-post mhux se jibqa’ wieħed tat-tielet dinja u mas-sidien kienu ffirmati numru ta’ kuntratti biex issa jidher li ħolma se ssir realtà. Il-Gvern qed jipprova jgħin ukoll bil-kisba ta’ fondi Ewropej.
Il-Crafts Village għandu marbuta miegħu storja ta’ wegħdi mhix imwettqa.
Tant, li kien proprju fis-sena 1992 li Gvern Nazzjonalista kien għamel pjan biex titneħħa t-telqa li kien fiha l-‘Crafts Village’. Minn dak il-pjan ma sar xejn, biex tmien snin wara fis-sena elfejn kabinett Nazzjonalista approva ‘Development brief’ biex ikun żviluppat il-post.
Sentejn wara l-Eks Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech reġa’ ħabbar pjan ambizzjuż li kellhu jwassal biex il-crafts village issir vilaġġ zghir bi ħwienet tal-artiġjannat u bi pjazzez li fihom issir taħriġ tal-artiġjanat Malti.
Reġgħu gerbu s-snin u ma sar xejn. Biex f’Lulju tas-sena elfejn u ħamsa l-Eks Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo wiegħed lill-proġett kellhu jibda sena wara.
Fis-Sena elfejn u sitta – s-sena li fiha kellhu jibda l-progett, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi wiegħed li l-proġett kien ser ikun mexa sostanzjalment sal-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tmienja.
Iżda, minn dan ma sar xejn.
Biex qabel l-elezzjoni tal-2008, il-Partit Nazzjonalista reġa’ wiegħed il-proġett.
Madankollu fl-elfejn u tnax kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Malta Industrial Parks u l-GRTU, dwar xogħlijiet infrastutturali f’ dan il-villaġġ. Liema xogholijiet kienu se jkunu biss wiċċ gdid ghat-toroq ta’ dawn l-inħawi madankollu sal-elezzjoni tal-elfejn u tlettax ix-xogħlijiet baqgħu ma sarux.
Kien fl-ewwel xhur ta’ Gvern Laburista li ngħata bidu għal pjanijiet biex il-Crafts Village f’ Ta Qali jiehu nifs gdid.
F’Dicembru tal-elfejn u erbatax kien ġie ppublikat il-kuntratt tal-iżvilupp u one.com.mt jista’ jikkonferma li fis-sigħat li ġejjinm mistennija żviluppi importanti.