Ir-Russja qalet li se twaqqaf l-attakki f’Mariupol għal tlett ijiem, biex il-mijiet ta’ persuni li hemm maqbuda taħt kumpless industrijali tal-azzar, jitħallew joħorġu.
Skont l-Ukrajna, dan il-kumpless – li huwa l-aħħar parti f’din il-belt li qed jinżamm mill-forzi Ukreni, ra battalji diffiċli u mdemmija fl-aħħar jumejn.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għamel appell ieħor lin-Nazzjonijiet Magħquda biex jgħinu jsalvaw il-ħajjiet ta’ dawk maqbudin f’dan il-kumpless.
F’telefonata lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, Zelensky qal li għall-Gvern Ukren, kulħadd huwa importanti, u talab għall-għajnuna biex jiġu salvati aktar nies.
Il-mumenti qosra ta’ waqfien mill-ġlied li saru f’din il-gwerra ġabu reazzjonijiet imħallta, fosthom għaliex l-Ukrajna akkużat lill-forzi Russi li mhux vera waqqfu l-attakki tagħhom.
Skont in-Nazzjonijiet Magħquda, fl-aħħar sigħat, aktar minn tliet mitt persuna ġew evakwati minn partijiet oħra ta’ Mariupol u n-naħa t’isfel tal-Ukrajna.
Sadanittant, l-Ungerija qalet li se tagħmel veto fuq il-proposti tal-Unjoni Ewropea biex titwaqqaf l-importazzjoni taż-żejt Russu sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-pjan tħabbar ilbieraħ mill-Kummissjoni Ewropea, bħala parti minn pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI