Fit-teatru Ariston illejla se jintlaħaq il-qofol tal-wieħed u sebgħin edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo.
Tard illejla l-preżentaturi Amadeus u Fiorello se jħabbru r-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni li tiddomina t-televiżjoni mhux biss tal-Italja iżda anke tagħna l-Maltin.
Min jirbaħ jikseb id-dritt li jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Contest ta’ Mejju li ġej fl-Olanda.
Ma jonqosx li ma’ Amadeus, li huwa wkoll id-Direttur Artistiku ta’ dan il-festival, se jispikkaw l-interventi li qed jagħmel il-plejer internazzjonali Żvediż Zlatan Ibrahimović.
Illejla r-rebbieħ se jintgħażel wara sensiela ta’ votazzjonijiet bejn il-ġurija, il-membri tal-orkestra tar-RAI u l-vot tal-pubbliku.
Għal din l-edizzjoni, fejn ma hemmx udjenza minħabba l-imxija, se jitħabbru tliet kanzunetti li se jagħmluha għal meqjus bħala super finali, imbagħad wieħed mill-artisti jgħolli t-trofew prestiġjuż ta’ Sanremo.
Il-klassifika ġenerali preżenti turi li l-kantanti Ermal Meta bil-kanzunetta ‘Un Milione Di Cose Da Dirti’, Willie Peyote bil-kanzunetta ‘Mai Dire Mai (La Locura)’ u Arisa bil-kanzunetta ‘Potevi Fare Di Più’ jinsabu fl-ewwel tliet postijet rispettivament.
Ermal Meta u Arisa diġà rebħu Sanremo f’edizzjonijiet passati, b’tal-ewwel rebħu tliet snin ilu u wassal lil pajjiżu għar-raba’ post fil-Eurovision.
Sanremo huwa festival segwit ħafna u fl-Italja dan il-festival jiġbed lejh udjenza medja ta’ aktar minn tmien miljun ruħ.