Il-poplu Malti u Għawdxi se jibda jibbenefika mill-investiment dirett li qed jinġieb lejn Malta permezz tal-Iskema ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Il-gazzetta KullĦadd hi mgħarrfa li l-għotja ta’ €950,000 mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NSDF), sabiex jiġi mmodernizzat l-apparat mediku taż-żewg swali tal-catheterisation fi ħdan id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, hija biss il-bidu minn katina ta’ investimenti li se jkunu qed isiru f’pajjiżna.
Permezz ta’ dan l-investiment se jkun assigurat li ’l fuq minn 3,000 pazjent fis-sena ser jiġu kkurati b’mod aktar effettiv u effiċjenti minn qabel. Dan għaliex permezz tat-tiġdid tal-apparat ser jiġu introdotti interventi ġodda li jnaqqsu ż-żmien li pazjent ikollu jqatta’ l-isptar mingħajr kumplikazzjoni ta’ infezzjonijiet. Barra minn hekk, anqas pazjenti se jkollhom bżonn jiġu riferuti għal ċertu trattament barra mill-pajjiz billi issa se jkunu jistgħu jsiru interventi f’Malta stess.
Dan huwa eżempju tanġibbli ta’ kif il-poplu Malti se jkun qiegħed jibbenefika mill-fondi miksuba mill-Programm ta’ Investitur Individwali li 70% minnhom qed ikunu investiti fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali. Il-Bord tal-Gvernaturi se jkun qed jikkunsidra aktar proġetti soċjali maħsuba biex itejbu l-ħajja taċ-ċittadini Maltin. Fil-programm elettorali l-Gvern ħabbar li parti sostanzjali minn dan l-investiment se tiġi vvutata għall-proġetti infrastrutturali fosthom il-bini mill-ġdid tat-toroq f’pajjiżna.
Flimkien ma’ dan l-investiment dirett lejn pajjiżna wieħed irid jiftakar ukoll li din l-industrija ħolqot mijiet ta’ impjiegi ġodda fis-settur finanzjarju. Ma’ dan wieħed irid isemmi wkoll il-mewġa ta’ xogħol li nħolqot għall-professjonisti, fosthom avukati, nutara u aġenti tal-proprjetà, flimkien mal-industrija tat-turiżmu u t-trasport.
Il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment jikkumplimenta l-inizjattivi meħuda mill-Gvern immirati biex jixprunaw il-mutur ekonomiku li tant qed iġib riżultati pożittivi lejn il-pajjiż.