Il-politika l-ġdida dwar il-pompi tal-petrol mistennija toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-jiem li ġejjin. Dan irriżulta minn korrispondenza bejn l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità, Johan Buttigieg, informa b’dan lill-Kumitat wara li ċ-ċermen tal-kumitat Alex Muscat talbu rendikont ta’ fiex kien wasal ix-xogħol. Buttigieg spjega kif wara li fil-ħdax ta’ Mejju saru l-għanijiet tar-riforma dawn infetħu għal konsultazzjoni pubblika fejn ħadu sehem numru ta’ għaqdiet.
Fosthom għaqdiet ambjentali, il-GRTU u individwi privati. Eventwalment bdiet diskussjoni ma’ numru ta’ entitajiet li jvarjaw minn dawk tat-trasport, il-protezzjoni ċivili, l-ambjent u saħħa u sigurtà. Dan wassal biex issa hemm verżjoni finali li bdiet tkun diskussa intertament u fi żmien mhux imbiegħed mistennija toħroġ għal-konsultazzjoni pubblika.
Wara dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Kunsill Eżekuttiv jirrevedi r-rispons li jirċievi u eventwalment jgħaddi l-politika għal approvazzjoni ministerjali.
Huwa biss jekk ikun hemm bidliet kbar mill-abbozz li jkun hemm bżonn konsultazzjoni pubblika oħra.