Għadd kbir ta’ siti tat-temp qegħdin ibassru li lejlet il-Festa tal-Vittorja, il-ġimgħa d-dieħla, pressjoni baxxa fil-Lbiċ tal-Mediterran mistennija twassal għal possibbiltà kbira ta’ maltempata qalila fuq pajjiżna.
Anke jekk fadal ftit inqas minn ġimagħtejn għal tmiem il-ġimgħa tal-festa, li tiġi ċċelebrata nhar it-8 ta’ Settembru u din is-sena se taħbat il-Ħadd, rapporti varji meteoroloġiċi qegħdin jimmarkaw li l-maltempata se tkun qed tintensifika u tolqot l-ewwel fl-istess naħat li l-ġimgħa l-oħra ħakmu l-għerejjex ta’ Santa Marija b’xita qliel.
Bassara tat-temp spjegaw li dan jista’ faċilment jiġi antiċipat minħabba nuqqas ta’ riħ fil-għoli fl-atmosfera, arja xotta u temperatura għolja tal-baħar.
Sadanittant, it-temp fil-jiem li ġejjin ukoll mistenni jipproduċi xi xita f’xi partijiet ta’ pajjiżna bi sħab li qed jakkumula sa nhar il-Ħamis li ġej.