Fis-sigħat li ġejjin mistenni jitħabbar l-abbozz ta’ ftehim ġdid dwar it-tibdil fil-klima wara t-taħdidiet li saru waqt is-summit COP26.
Punti ewlenin li se jkun fih jinkludu t-twaqqif gradwali tal-użu tal-faħam, sussidji fuq fjuwils oħra li jħammġu kif ukoll għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi foqra.
Ilbieraħ, l-aħħar jum tas-summit, bosta nazzjonijiet ta’ gżejjer żgħar qalu li minħabba żieda fil-livell tal-baħar, ħafna mill-art tagħhom qed tispiċċa taħt l-ilma.
Aktar tard illum se ssir ukoll sessjoni plenarja formali sabiex jiġu addottati d-deċiżjonijiet finali tas-summit.
Ix-xjentisti wissew li jekk it-temperatura togħla aktar minn 1.5 gradi celcius, minn dik li kienet qabel l-iżvillupp industrijali, id-dinja se tkun qed tgħaddi mill-agħar impatti fit-tibdil fil-klima.
Għalhekk biex jiġi ndirizzat it-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet globali għandhom jonqsu bi kważi n-nofs sa disa’ snin oħra, filwaqt li l-emissjonijet għandhom jinżlu għal żero sal-2050.