Illejla se jitlaqqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fost il-ġlied u l-inkwiet intern li għaddej fil-partit imexxi minn Adrian Delia.
F’eżekuttiv ta’ madwar tmenin membru, presedut minn Alex Perici Calscione mistennija ħafna battibekki dwar id-deċiżjonijiet li għandu jieħu l-Kap u dawk id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-konfront tal-Kap.
Mis-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali nifhmu, li membri fl-eżekuttiv li huma tal-fazzjoni Delia jridu lil Kap ikeċċi lid-dsatax-il deputat li sfiduċjaw lil Kap Nazzjonalista filwaqt li dawk fl-eżekuttiv li huma ħaġa waħda mal-fazzjoni ta’ Busuttil u li jridu lil Therese Comodini Cachia tieħu post Delia, jridu jkomplu bir-rivolta tagħhom u jtajru lil Delia, issa minn kap tal-partit.
Kontinwament, dawk li sfiduċjaw lil Delia qed jgħidu li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġlu persuna kredibbli, onesta u integra biex tmexxih.
Nifhmu li peress li fl-eżekuttiv se ssir diskussjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissjoni għall-Etika u Dixxplina, din il-kummissjoni qed tiġi meqjusa bħala strumentali għall-fazzjoni Delia biex tieħu l-azzjonijiet li semma li se jieħu Delia wara li issa qal ukoll li m’għandux fiduċja f’min sfiduċjah.
Meta ġie sfiduċjat, fis-sagħtejn ta’ bil-lejl, Adrian Delia kien qal ukoll li anki qabel il-vot sigriet kontrih kien sejjaħ għal-laqgħa mmedjata tal-eżekuttiv Nazzjonalista.