Għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex fuq il-Fosos għada tittella’ l-14-il edizzjoni ta’ Isle of MTV.
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, dan l-avveniment internazzjonali għal darb’oħra mistenni jerġa’ jiġbed eluf ta’ Maltin, Għawdxin u anke turisti.
Il-kunċert mużikali se jara bosta kantanti ta’ fama mondjali, fosthom French Montana u Dj Marshmello.
Ser jingħaqdu magħhom ukoll diversi kantanti Maltin.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fuq il-palk prinċipali ta’ Isle of MTV, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo nnota li dan l-avveniment se jkompli jgħolli isem Malta ‘l fuq b’mod internazzjonali.
Il-Ministru saħaq kif kull ma jmur in-niċċa turistika ta’ kunċerti u festivals f’pajjiżna qed tkompli tikber u tissaħħaħ, hekk kif mijiet ta’ turisti qed jagħżlu li jiġu għal vaganza f’pajjiżna apposta għal dawn l-avvenimenti.
F’kumment ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, spjega kif madwar 30% ta’ dawk li jattendu dejjem ikunu turisti li jiġu apposta għal Isle of MTV.
Il-Viċi President ta’ Velocity u Paramount International, Russell Samuel, qal kif dan l-ispettaklu mużikali se jkun qed jintwera f’170 pajjiż differenti, b’miljuni ta’ telespettaturi.
Ritratt: Kimberley Portelli