Il-President Franċiż Emmanuel Macron qed jaffaċċja kriżi, hekk kif illum mistennija jseħħu strikes mal-pajjiż kollu, b’rabta mal-pjan tiegħu biex jgħolli l-età tal-irtirar minn 62 sena sa 64 sena.
Is-servizzi tal-ferroviji fl-ibliet u ‘lil hinn minnhom huma mistennija li se jintlaqtu sew minn dawn l-azzjonijiet industrijali, filwaqt bosta skejjel u servizzi pubbliċi mistennija jingħalqu.
Fl-ajruport ta’ Orly f’Pariġi, huwa stmat li titjira minn kull ħamsa, se tiġi kkanċellata, u f’Pariġi, se jkunu qed jaħdmu biss żewġ ferroviji.
Mal-ġurnata, bosta qed jistennew demostrazzjonijiet fil-belt kapitali Franċiża b’eluf kbar jattendu, u l-Pulizija fil-belt qed iħejju ruħhom għal ġurnata ta’ xogħol twila.
Il-partiti fl-Oppożizzjoni qed jingħaqdu wkoll kontra l-miżura tal-gvern Franċiż, bil-mexxej tal-Partit Kommunist anke jgħid li l-ħitan tar-residenza uffiċċjali tal-President Franċiż, il-Palazz Élysée, se jitriegħed.