Il-kollegi tal-Pulizija Keith Palmer, l-uffiċjal li nqatel fl-attakk li sar f’Westminster iddeskrivew lil dan l-uffiċjal bħala “perfett.” Kienet mewta traġika dik li miet dan l-uffiċjal u llum huwa mistenni li għal funeral tiegħu jattendu eluf ta’ nies.
Il-ġisem ta’ Keith Palmer tpoġġa fil-Kappella ta’ Westminster wara li ngħata tislima mis-suldati, tislima għall-ħidma li għamel, ħidma li kellha twassal għall-mewt tiegħu. Keith Palmer, fl-età ta’ 28 sena nqatel mill-aggressur Khalid Masood wara numru ta’ daqqiet ta’ sikkina.
Wara dan l-attakk, Masood qatel erbà persuni oħra wara li baqa’ dieħel b’vettura għal fuq in-nies fuq Westminster bridge. It-tebut ta’ Palmer se jkun qed jittieħed mill-Palazz ta’ Westminster għall-Katidral Southwark. Eluf ta’ uffiċjali tal-Pulizija mistennija joħonqu t-toroq ta’ madwar il-Katidral biex iselmu lill-kollega tagħhom, li bħalhom ta’ kuljum kien jissogra ħajtu biex joffri servizz.
Il-pubbliku ukoll se jkun jista’ jsellem il-memorja ta’ Keith Palmer fil-kappella ta’ Westminster. Normalment, din iċ-ċerimonja ssir meta tmut xi figura politika importanti tal-pajjiż, iżda se tkun qed issir ukoll għal dan l-uffiċjal għax miet b’servizz għal pajjiżu.