Fil-jiem li ġejjin mistennija jitressqu aktar minn għaxar każijiet ċivili ġodda kontra r-rapper Sean ‘Diddy’ Combs li bħalissa jinsab fil-ħabs.
Dan intqal mill-avukat Tony Buzbee hekk kif ressaq każ ieħor fil-Qorti ta’ New York f’isem klijent li qed jallega li kien safa’ attakkat mill-ġgant tal-mużika fl-2015.
L-akkuża tgħid li ż-żagħżugħ ta’ 23 sena kien wieħed mill-artisti waqt avveniment li għalih attenda Combs u fil-party ta’ wara ġie ddrogat u attakkat.
L-avukati ta’ Combs ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħu li jinkludu li kien iddroga, attakka u stupra diversi persuni. Huwa wkoll qed jiffaċċja akkużi federali ta’ traffikar sesswali u attivitajiet kriminali. Sean ‘Diddy’ Combs wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.
Combs qed jaffaċċja aktar minn 30 kawża ċivili. Huwa jinsab fil-ħabs ta’ New York sakemm jibda l-ġuri fil-qorti federali kriminali.