Hekk kif resqin il-festi ta’ Santa Marija bosta jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni ideali għal btala qasira.
Minkejja li l-pandemija ħalliet l-effetti tagħha fuq in-negozji, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu tinsab ħerqana għal dan it-tmiem il-ġimgħa.
Il-Kap Eżekuttiv Joe Muscat stqarr magħna kif is-settur tal-ospitalità f’Għawdex qiegħed jistenna li dan iż-żmien ikun wieħed impenjattiv.
Huwa stqarr: “Bħala assoċjazzjoni qegħdin nistennew li dan ikun weekend movumentat anki fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija. Għandna indikazzjonijiet ukoll mingħand diversi setturi tal-akkomodazzjoni f’Għawdex illi kellhom domanda għall-akkomodazzjoni għal dan il-perjodu.”
Is-sena li għaddiet il-Maltin qattgħu medja ta’ aktar minn żewġ iljieli, żieda fuq l-istess perjodu tas-snin ta’ qabel.
Muscat sostna: “Jekk din is-sena tibqa’ din it-trend qegħdin nistennew ukoll illi l-iljieli tal-Maltin fostna jiżdiedu aktar. Fis-sens illi flok li jqattgħu jumejn biss iqattgħu aktar ġranet.”
Muscat saħaq kif għalkemm aktar Maltin qed jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom it-turisti jqattu’ medja ta’ sitt iljieli jew aktar. Qal ukoll li l-iskema tal-vouchers qed tħalli l-effetti tagħha fl-ekonomija Għawxdija.
Huwa temm jgħid: “L-istabbilimenti turistiċi kemm tal-akkomodazzjoni kif ukoll b’mod speċjali tar-ristoranti qegħdin jindikawlna li qegħdin jintużaw b’mod tajjeb u b’mod regolari kemm fil-weekends li għaddew u kemm fil-weekends li ġejjin. Għaliex huma dawk id-diversi Maltin illi meta jagħmlu l-prenotazzjoni tagħhom kemm fir-ristoranti kif ukoll fl-akkomodazzjoni jistaqsu jekk il-vouchers humiex aċċettati.”