It-temp f’jum il-Milied huwa mistenni jkun sabiħ, hekk kif il-25 ta’ Diċembru huwa mbassar li jkun il-biċċa l-kbira xemxi u pjuttost sħun.
Ħabbar dan l-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi stqarrija aktar kmieni llum.
Fil-fatt, ġie spjegat kif it-temperatura massima mistennija li tilħaq dsatax il-grad celsius f’lejlet il-Milied u għoxrin grad f’jum il-Milied, filwaqt li dik l-aktar baxxa hija mbassra li tvarja bejn tlettax u ħmistax-il grad celcius bejn is-Sibt u l-Ħadd.
Għal lejlet il-Milied, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar riħ pjuttost qawwi sa qawwi mill-Majjistral, li jsir pjuttost qawwi aktar tard matul il-jum. Jum il-Milied, min-naħa l-oħra, huwa mistenni jkun anqas mirjieħ, hekk kif riħ moderat sa pjuttost qawwi huwa mbassar li jikkaratterizza l-ġurnata.
L-ebda xita ma hija mbassra għall-jiem li ġejjin. Fil-fatt ħarsa lejn l-arkivji turi li l-aħħar darba li għamlet ix-xita f’jum il-Milied kien fl-2014, meta l-Uffiċċju Meteoroloġiku kien kejjel 0.2 mm xita.
Intant, matul il-ġimgħa d-dieħla l-Uffiċċju Meteoroloġiku qed jistenna li l-gżejjer Maltin ikomplu jgawdu minn temp sabih u jiem xemxin, b’temperaturi massimi ta’ 21°C mbassrin għall-għada tal-Milied u t-Tlieta u riħ ħafif sa nhar il-Ħamis.