It-temp għall-Milied mistenni li jkun mirjieħ, xott u b’temperaturi ogħla mill-medja. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fil-fatt qed ikun mistenni li t-temp għal Lejlet u għal Jum il-Milied ikun pjuttost imsaħħab, filwaqt li mhux mistennija xita qawija, iżda r-riħ mistenni li jkun konsiderevoli. Għaldaqstant, ir-riħ hu antiċipat li jibqa’ ftit qawwi għal qawwi mill-Majjistral sa Jum il-Milied.
It-temperatura medja mistennija tkun tnejn punt ħames gradi Celsius ogħla min-norma klimatika hekk kif se tilħaq is-sbatax-il grad celsius, l-inqas temperatura, xorta mistennija li tkun waħda baxxa li se tvarja bejn it-tnax u t-tlettax-il grad celsius, minħabba r-riħ.
Madanakollu, l-ogħla temperatura għall-Milied se tibqa’ dik li esperjenza pajjiżna fl-2009, bi tlieta u għoxrin punt sitt gradi celsius.
Għall-għada tal-Milied, San Stiefnu, ir-riħ se jbatti sew u hu mistenni li jkun ikkaraterizzat minn temp ftit imsaħħab b’temperatura ta’ tmintax-il grad celsius matul il-ġurnata u li tinżel sa tnax-il grad celsius mal-lejl.
Fil-ħarsa storika li ngħatat mill-Uffiċċju Meteoroloġiku intqal li l-gżejjer Maltin imdorrija b’temp xott u pjuttost sħun f’dan iż-żmien ta’ festi u forsi għalhekk li bosta barranin jagħżlu li jaħarbu mis-silġ u l-ksieħ u jqattgħu l-Milied f’Malta.
Ġie nnutat li fl-1986, meta anke f’Malta kesaħ ftit mhux ħażin, tant li nhar il-Milied it-temperatura niżlet sa tlieta punt seba’ gradi celsius.