Minkejja li forsi din is-sena ma ngħatawx ħafna prominenza fuq il-ġurnali, it-traġedji ta’ immigranti fi triqithom lejn l-Ewropa huma realtà ta’ kuljum, u qed jiżdiedu. Filfatt s’issa din is-sena tilfu ħajjithom iktar minn 3000 persuna.
L-ammont ta’ immigranti li mietu s’issa din is-sena qed joqrob sew lejn it-total ta’ mwiet tas-sena li għaddiet, li hi nnifisha kienet sena rekord ta’ traġedji.
Fil-fatt huma 3034 ir-refuġjati li mietu minn Jannar ‘l hawn fi triqithom lejn l-Ewropa.
Is-sena li għaddiet, fl-istess perjodu tilfu ħajjithom 1970 immigrant- dan ifisser li kien hemm żieda ta’ mwiet ta’ 54%.
B’kollox fl-2015, fil-Baħar Mediterran mietu 3741 migrant.
Skont l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u osservaturi oħra tal-qasam, b’din ir-rata din is-sena se tkun sena rekord.
Madanakollu, kienu ferm inqas l-immigranti li mietu fir-rotta bejn it-Turkija u l-Greċja meta mqabbel mas-snin preċedenti. Il-maġġoranza assoluta tal-imwiet, iktar minn 2600, mietu bejn il-Libja u l-Italja.
Ix-xejra riċenti qed turi li l-immigranti li għadhom jaqsmu l-Mediterran, minkejja r-riskji kbar li tinqeleb id-dgħajsa, huma Afrikani filwaqt li s-Sirjani qed isibu alternattivi oħra iktar siguri.
F’rapport riċenti, it-Tobba Mingħajr Fruntieri qabblu l-kundizzjonijiet tal-immigtanri fil-Libja mal-ilsira għaliex dawn qed jittieħdu u jinzammu jagħmlu xogħol kontra jeddhom, u jsakkruhom filgħaxija fi djar privati jew mħażen f’kundizzjonijiet simili għall-ħabs.
Irrappurtaw ukoll li n-nisa kienu qed jinżammu magħluqa fi djar fejn qed ikunu imġegħla jaħdmu bħala servienti jew sfurzati fil-prostituzzjoni.
Din is-sitwazzjoni degradanti qed twassal biex dawk li qabel kienu jfittxu refuġju fil-Libja, issa jipprovaw isibu refuġju f’pajjiż Ewropew jew saħansitra jmmorru lura pajjiżhom.