It-temp f’Jum il-Milied mistenni jkun tajjeb, bħal dawn l-aħħar jiem.
Dan intqal mill-bassar tat-temp fl-Uffiċċju Meteoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Patrick Zahra f’intervista ma’ ONE News.
Filwaqt li bosta jassoċjaw dawn iż-żminijiet tal-Milied mal-kesħa, jidher li mhux se jkollna dik il-kesħa xxoqq il-għadam.
Qal, “Jidher li ħa jkun temp tajjeb. Jiġifieri nistgħu ngħidu li fil-Milied se jkun imsaħħab u t-temperatura, l-ogħla grad se jkun 18 u l-inqas waħda ta’ 13.”
It-temp f’Jum il-Milied mistenni jkun iżjed sħun minn dak li kellna fl-aħħar jiem.
B’dan it-temp huwa wieħed simili għal Jum il-Milied ta’ dawn l-aħħar tliet snin.
Spjega, “Dawn l-aħħar tliet snin, bażikament dejjem hekk kien. Qisha t-temperatura tilgħab bejn 16 u 18.”
Il-bassar tat-temp spjega magħna kif l-ogħla temperatura li ntlaħqet f’Jum il-Milied kien fl-elfejn u disgħa, hekk kif laħqet l-erbgħa u għoxrin grad celcius.
Waqt li l-inqas temperatura f’Jum il-Milied kienet fl-elf disa’ mija sitta u tmenin, hekk kif it-temperatura niżlet għal erba’ gradi celcius.
F’lejlet il-Milied it-temp se jkun xemxi u l-għada tal-Milied, it-temp se jkun ftit imsaħħab u l-ogħla temperatura mistennija tvarja bejn is-sittax u tmintax-il grad celcius.
Waqt li t-temperatura mistennija tvarja bejn l-għaxar gradi celcius u l-erbatax-il grad celcius.