Huwa mistenni li r-rata ta’ qgħad f’pajjiżna tkompli tinżel matul ix-xahar ta’ Frar, saħansitra taħt l-2,800.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru ghall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u ċ-chairman ta’ Jobs+ Clyde Caruana, li fiha nnotaw dak li rrikonoxxiet il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar Malta l-ġimgha li għaddiet.
Fil-qasam tal-edukazzjoni, kien innotat li l-investiment ta’ Malta fis-settur huwa l-ikbar fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, u ikbar mill-medja Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea nnotat li l-miżuri li ttiehdu fl-ahhar snin qed iħallu l-frott, speċjalment fost iż-żgħażagħ u fejn tidħol l-edukazzjoni tul il-ħajja.
Madanakollu l-Ministru Evarist Bartolo nnota wkoll sfidi fis-settur, bħall-iskills gap, fejn qal li jridu jkunu n-nies tagħna li jkollhom il-ħiliet mehtiega biex jimlew il-postijiet tax-xogħol.
Fejn jidħol xoghol, iċ-chairman ta’ Jobs+ innota l-kliem superlattiv li użat il-Kummissjoni Ewropea dwar is-settur. “Exceptionally well” qalet, filwaqt li nnotat il-mizuri li ttieħdu biex ħeggew iżjed nies jidhlu fid-dinja tax-xogħol.
Pero nnota li f’ekonomija dinamika bħal dik ta’ pajjizna, irridu niżviluppaw il-ħiliet.