Kelliem għal Benjamin Netanyahu stqarr li l-kabinett Iżraeljan kien mistenni jivvota dwar il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fil-Libanu hekk kif sorsi qrib id-diskussjonijiet qalu li l-Prim Ministru kien qed japprova fil-prinċipju dan il-pjan.
Netanyahu indika l-approvazzjoni potenzjali tiegħu għal dan il-ftehim biex jitwaqqfu l-attakki fuq il-Hezbollah, waqt konsultazzjoni ta’ sigurtà ma’ uffiċjali Iżraeljani l-Ħadd filgħaxija.
Issa l-kabinett mistenni jieħu vot illum fejn kollox qed jindika li dan għandu jgħaddi.
Fil-jiem li għaddew persuni li kienu qed isegwu n-negozjati kienu ddikjaraw li deher li kien hemm xejra pożittiva li kellha twassal għal ftehim iżda dejjem kien hemm il-biża li hekk kif l-Iżrael u l-Hezbollah baqgħu jattakkaw lil xulxin, pass wieħed falz kien jisfaxxa kollox. Iżda aktar tard ilbieraħ filgħaxija uffiċjal mil-Libanu involut f’dawn id-diskussjonijiet qal li kien mistenni li jitħabbar il-waqfien mill-ġlied fi żmien 24 siegħa.
Ir-rapporti li l-ftehim huwa wieħed iminenti ntlaqgħu b’reazzjonijiet diversi fl-Iżrael. Il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali Itamar Ben Gvir sejjaħ il-ftehim bħala żball kbir fejn qal li kienet qed tiġi mitlufa opportunità storika biex jiġu aboliti l-Hezbollah.
Benny Gantz, li f’Ġunju irriżenja mill-kabinett tal-gwerra ta’ Iżrael hekk kif ma qabilx ma kif Netanyahu kien qed jiġġestixxi l-gwerra f’Gaza, sejjaħ biex il-Prim Ministru jippublika d-dettalji tal-ftehim tal-waqfien mill-ġlied hekk kif hu saħaq li r-residenti tat-Tramuntana, il-ġellieda u ċ-ċittadini ta’ Iżrael kellhom d-dritt ikunu jafu x’fih il-ftehim.
Ir-residenti tat-Tramuntana ta’ Iżrael li ħafna minnhom kienu spostati waqt il-kunflitt, flimkien mar-residenti tan-Nofsinhar tal-Libanu ħdejn il-fruntiera, ukoll jinsabu mħassba dwar dan il-ftehim potenzjali hekk kif qed jinterpretawh bħala wieħed ta’ ċediment.