Fil-jiem li ġejjin se jitħabbar l-akbar proġett ta’ spazju miftuħ ġdid f’ġenerazzjoni.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta fid-diskors tiegħu fl-għeluq tal-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista tkellem dwar l-infrastruttura.
Huwa qal li x-xogħol li qed isir fl-infrastruttura tat-toroq juri li dan hu gvern li jippjana u jiddeċiedi u mhux li jsib l-iskużi biex ma jsirux l-affarijiet.
Il-Prim Ministru partikolarment tkellem dwar infrastruttura ambjentali u qal li jrid li l-pajjiż jitla f’livell ieħor fejn għandu x’jaqsam tindif u spazji miftuħa għall-familji:
“Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed inħabbru xogħol kbir ieħor li sar biex nikkonvertu żona li minflok tinbena se tkun qed isservi bħala spazju kbir għall-familja kollha. L-akbar proġett ta’ spazju miftuħ ġdid f’ġenerazzjoni.”
Huwa qal li rridu nkunu fost l-ewwel pajjiżi li nibdew il-qalba għall-karozzi elettriċi l-ewwel f’Għawdex u mbagħad f’Malta.
Joseph Muscat qal ukoll li fil-ħsieb tal-partit biex il-pajjiż ikompli jirnexxi hemm ukoll l-isport. Qal li hawn irid ikollna attitudni ta’ winners u li dan huwa pajjiż ta’ ‘winners.’
Sostna li dan irid isir biex titrawwem ġenerazzjoni rebbieħa ta’ sportivi, biex l-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja tibda tintuża wkoll fl-isport.
Il-Prim Ministru qal li dan huwa partit tal-ħaddiema u tax-xogħol li jemmen li huwa xogħol li hu ċ-ċavetta kontra l-faqar.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar l-innovazzjoni u qal li l-isfidi vera mhumiex dawk li jbeżża bihom ħaddieħor imma li nibqgħu pajjiż kompettiv li joffri xogħol ta’ kwalità b’kundizzjonijiet mill-aqwa.
Sostna li l-politika ta’ ħaddieħor treġġa l-arloġġ lura fuq il-ġid kollu li qed jinħoloq.
“Mhux dejjem iżda kien hemm gvern li jaħdem daqs in-nies, dik hija l-verita u jgħajjruna kemm iridu biha, aħna gvern pro-business konna, pro-business aħna u pro-business se nibqgħu.”