Il-Kaptan tal-vapur MV Lifeline Claus Peter Reisch mistenni jidher il-Qorti tul il-jum tal-Erbgħa biex f’seduta qasira tingħata d-deċiżjoni ta’ jekk jitħalliex jitlaq minn Malta għal ftit jiem biex iżur lil ommu.
Dan wara li tul il-jum tat-Tlieta sar l-aċċess fuq il-vapur li jinsab irmunkat max-Xatt tal-Isla fiż-żona ta’ Boiler Wharf.
Kien għal ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu meta max-xatt dehru resqin l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Belt u mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet flimkien ma’ esperti tal-Qorti li flimkien telgħu abbord fuq il-vapur MV Lifeline.
Hawnhekk sabu lil kaptan Ġermaniz Claus Peter Reisch li jinsab mixli li għamel użu minn vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux reġistrat mal-awtorità għall-bastimenti żgħar u li għamel użu mill-vapur meta ma’ kellux liċenjza minn Transpor Malta. .
Preżenti wkoll kien hemm l-avukati difensuri li qed jidhru fil-Qorti għall-kaptan tal-vapur.
One News seta’ jinnota li għal diversi drabi il-kaptan Reisch u l-bqija tal-ekwipaġġ dehru jiġu mitkellma mill-Pulizija u mill-esperti appuntati mill-Qorti.
Iktar tard il-kaptan deher hiereġ minn Boiler Wharf skortat mill-Pulizija fejn sorsi qrib dan l-istazzjon ikkonfermaw li ttieħed lura l-lukanda fejn qed jgħix biex iġib xi dokumenti li talbuh il-Pulizija.
Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu telà wkoll fuq il-vapur il-Maġistrat Joe Mifsud għal seduta li saret fuq il-post.
Il-Maġistrat Mifsud deher idur diversi drabi fil-kmamar u fil-livelli differenti tal-vapur fejn f’ħinijiet minnhom seta jiġi nnutat li kien qed jistaqsi l-membri tal-ekwipaġġ dwar xi makkinarju li kellhom installat fuq il-vapur.
Intant sorsi qrib dan l-istazzjon ikkonfermaw li l-kaptan Reisch se jidher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu tul il-Jum tal-Erbgħa fejn mistenni jingħata digriet dwar it-talba li għamel il-kaptna biex iżur lil ommu fil-Ġermanja.