Wieħed minn kull għaxar imwiet madwar id-dinja huwa kkawżat mit-tipjip. Dan skont studju maġġuri ġdid, li juri kif l-epidemija tat-tabakk għad fadlilha biex tintemm u li t-theddida għall-ħajja qed tkompli tinfirex.
Fl-2015 kien hemm kważi biljun persuna li tpejjep, minkejja l-ħafna policies fuq il-kontroll tat-tabakk addottati minn ħafna pajjiżi.
In-numru mistenni jikber hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja qed tespandi. Raġel minn kull erbgħa jpejjep filwaqt li mara minn kull għoxrin tpejjep.
Ir-riċerkaturi sabu li kien hemm 6,400,000 attribwieti għat-tipjip fl-2015, b’nofshom ġejjin minn erbà pajjiżi popolati: iċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u r-Russja.
L-istudju ppublikat fil-ġurnal mediku Lancet qal li sforzi maġġuri biex jikkontrollaw it-tabakk ħallew riżultati pozittivi. Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li sar fl-2005, irrakomanda miżuri li nkludew projbizzjoni ta’ tipjip f’postijiet pubbliċi, taxxi għolja u tnaqqis f’reklamar.
Bejn l-1990 u l-2015, il-prevalenza tat-tipjip naqset minn 35% għal 25% fost l-irġiel u minn 8% għal ħamsa fil-mija fin-nisa.
Pajjiżi bi dħul għoli u l-Amerika Latina, speċjalment il-Brażil li daħħal tnaqqis drastiku fuq it-tabakk, irreġistraw l-ikbar tnaqqis fin-numru ta’ nies li jpejpu.
Skont l-awturi tal-istudju, li ġejjin mill-Institute of Health Metrics and Evaluation fl-Università ta’ Washington, ħafna pajjiżi għamlu progress marġinali mindu sar ftehim fuq it-trattat.