Fl-aħħar jiem il-Pulizija tal-iskwadra ta’ kontra r-reati ekonomiċi kompliet tinvestiga l-każ tal-kumpanija ‘Rediscover the World’ fi ħdan ‘Platinum International Malta’, fejn għexieren ta’ persuni qed jallegaw li ngidmu l-eluf ta’ ewro fil-btajjel tagħhom. Btaliet li spiċċaw fi ħmar il-lejl.
ONE News huwa nfurmat lill-pulizija se titlob li jinħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tas-Sur Michael Tolan, id-Direttur Maniġerjali ta’ din il-kumpanija fiċ-ċentru ta’ bosta allegazzjonijiet.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-mandat jista’ jkun kemm ewropew u anke internazzjonali, dan għax l-ewwel irrid jiġi stabbilit b’ċertezza fejn jinsab Tolan.
F’dan il-każ għexieren ta’ persuni qed jallegaw li ngidmu mill-offerta ta’ ‘timeshare’ taħt l-isem ‘Escape from Malta’ offruta minn din il-kumpanija.
Fost oħrajn huma qed jallegaw ukoll li min-naħa tal-kumpanija saru falsifikazzjonijiet ta’ dokumenti.
Għaldaqstant il-pulizija qed tipprova tistabilixxi jekk dan l-allegat każ huwiex wieħed ta’ frodi, misapropjazzjoni ta’ flus jew inkella xi tip ta’ reat ieħor.
ONE News hu nfurmat ukoll li apparti l-iżjed minn 100 rapport li saru direttament lill-Pulizija fl-aħħar jiem, ħamsa u tletin persuna oħra, permezz ta’ avukat flimkien ressqu rapport ieħor lill-Pulizija u li fih qed jallegaw li bejniethom ingidmu iżjed minn mitt elf ewro.
Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon jirriżulta lis-Sur Michael Tolan, li matul is-snin mexxa bosta kumpaniji kemm f’Malta u anke barra minn xtutna u mhux l-ewwel darba li spiċċaw f’kontroversja, telaq minn pajjiżna fl-aħħar jiem.
Intant, l-ufficini tal-kumpanija fil-Mosta għadhom magħluqin, dan hekk kif il-ħaddiema tal-kumpanija mhux qed jirrapurtaw għax-xogħol, minħabba li allegatament ma tħallsux fl-aħħar xahrejn; b’uħud minnhom irriżenjaw.