Malta se tkun qiegħda tiffirma ftehim mal-Awtoritajiet Taljani biex tkompli titwaqqaf l-attività kriminali fis-settur tal-gaming.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri waqt l-konferenza annwali tal-kumpanija tal-awdituri KPMG dwar dan il-qasam.
Schembri spjega kif “fil-jiem li ġejjin, se jkun qed jiġi ffirmat MOU storiku, ftehim bejn l-Awtoritajiet Taljani u dawk Maltin biex ikun hemm aktar kooperazzjoni, sharing of information, u allura, l-attività illegali tkun tista’ tinqabad ħafna aktar”.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega kif is-settur tal-gaming huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija u tenna l-impenn tal-Gvern għal dan is-settur tant attraenti għall-investituri barranin.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tal-Logħob, Heatcliff Farrugia, spjega kif l-Awtorità kienet strumentali sabiex sena u nofs ilu ngħalqu numru ta’ kumpaniji, li issa qed jiġu investigati mill-Awtoritajiet Taljani:
“Importanti li ngħidu li l-investigazzjonijiet li saru, ma sarux b’sorpriża għal Malta, għaliex konna nvoluti fl-investigazzjoni. Għinna kemm min-naħa tagħna u tal-Pulizija f’din l-investigazzjoni, u n-nies li llum qegħdin jiġu nvestigati kollha waqqafnihom aħna xi sena u nofs ilu”.
Huwa spjega kif settur bħal dan jiġbed lejh attività kriminali, u għalekk, l-MGA dejjem ħadmet qrib l-awtoritajiet biex jitwaqqaf dan l-abbuż.
Huwa laqa’ dan il-ftehim li se jiġi ffirmat mal-Awtoritajiet Taljani, għaliex organizzazzjoniiet kriminali jistgħu jitwaqqfu biss permezz ta’ aktar kollaborazzjoni:
“Irridu nkunu ċerti li hemm kollaborazzjoni sħiħa biex naċċertaw li jekk hemm xi organizzazzjonijiet li qegħdin jużaw kemm lil Malta u lill-Italja biex jagħmlu ħasil ta’ flus, aħna naħsbu li l-aħjar mod kif tiġi kkontrollata hija li ż-żewġ pajjiżi jikkoperaw ma’ xulxin”.