L-investiment tal-SR Technics imħabbar fl-aħħar jiem huwa wieħed minn sensiela li kienu għaddejin taħdidiet dwarhom u li bdew u se jkomplu jitħabbru. Qal dan il-Prim Ministru, Joseph Muscat, meta kien intervistat fuq ONE Radio.
“L-ekonomija Maltija biex tkun sostenibbli għas-snin li ġejjin ma tistax tiddependi la minn kumpanija waħda u lanqas minn settur wieħed,” fiehem Joseph Muscat li tkellem dwar xogħol ieħor li qed isir. “Malta Enterprise għaddejin b’negozjati u taħdidiet, fil-final ukoll f’numru minnhom, ta’ numru ta’ proġetti kemm ġodda u espansjonijiet ta’ proġetti eżistenti li se jitħabbru fuq il-medda tax-xhur li ġejjin,” qal il-Prim Ministru li spjega l-importanza tal-investiment tal-SR Technics għax se jwassal biex il-kumpanija tespandi u timpjega iktar ħaddiema.Irrefera għall-isfida li wieħed isib persuni mħarrġa biżżejjed u hawn għamel referenza għal MCAST fejn il-gvern se jinvesti €4 miljuni oħra biex iħarġu iktar studenti u żgħażagħ biex jidħlu għal dan it-tip ta’ xogħol. Joseph Muscat tkellem dwar l-istituzzjonijiet edukattivi diversi li hawn il-pajjiż u tenna li biex wieħed ikun suċċess mhux bilfors imur università. “L-importanti li tibqa’ tistudja,” qal Joseph Muscat li sostna kif wieħed ma jistax jippretendi ċerti impjiegi jekk ma jkunx tħarreġ għalihom.
Il-Prim Ministru għamel referenza għall-investiment tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex. “Rajna din il-ġimgħa li ċ-ċentru l-ġdid tal-anatomija se jkun lest sal-aħħar ta’ Settembru,” qal il-Prim Ministru li kellu kliem ta’ tifħir għat-tmexxija ta’ Steward Healthcare u t-tmexxija tal-iskola medika ta’ Barts. Fakkar kif is-sena li għaddiet il-proġett ta’ Barts beda bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. “Issa qed narawh jieħu iktar ir-ruħ u issa se jitrasforma b’mod pożittiv il-gżira Għawdxija,” qal Joseph Muscat li fakkar ukoll fl-għan li l-isptar ġenerali ta’ Għawdex jilħaq il-livelli ta’ Mater Dei.
Mistoqsi dwar kwistjoni li nqalgħet għal ċertu ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fejn kienu bdew jintalbu ħlas tal-parkeġġ il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon li din kienet xi ħaġa riżolta. “Jien infurmat li s-sitwazzjoni ssolviet b’tali mod li din hi ta’ sodisfazzjoni għal kulħadd,” spjega l-Prim Ministru li fisser għaliex inqalgħet din il-kwistjoni mal-bidla fil-kuntratturi.
“Kien hemm xi ftehim inizzjali li l-ħaddiema jħallsu xi 75c kuljum. Jien fil-fehma tiegħi mal-ħaddiema li qegħdin fuq paga minima u pagi mhux għoljin mux se niġġieled għal 75 c kuljum. Anzi rrid insaħħilhom idejhom. Aħna qegħdin hemm biex nirrappreżentaw lil dawk li huma fil-bżonn u l-middle class u hemm irridu nagħtu sinjali,” qal Joseph Muscat. Is-sitwazzjoni kienet riżolta billi l-ħaddiema ngħataw l-għażla li jew jipparkjaw b’xejn u dawk li għażlu t-trasport pubbliku kienu inċentivati b’żieda fil-paga.
Reazzjoni ta’ min hu ddisprat
Il-Prim Ministru kkummenta wkoll dwar l-aġir ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista li provaw jattakkaw l-inkjesta dwar Egrant. Qal li kien jistenna din l-attitudni. “Hija reazzjoni ta’ min huwa ddisprat,” qal il-Prim Ministru li tenna li għadu ma semax min se jerfa’ r-responsabbilta ta’ min poġġa bilqiegħda u ffalsifika firem biex joħloq gidba fuqu u fuq familtu.
Il-Prim Ministru fakkar kif l-ikbar konklużjoni tal-inkjesta kienet li kien hemm min qabad karta u ffalisfikaha. “Il-Maġistrat qal jien sibt kull ma kelli nsib, rajt kull ma kelli nara, rajt il-karti li kelli nara u dawn il-karti huma foloz, xi ħadd iffalisfikahom,” qal Joseph Muscat li reġa’ tenna l-impenn tiegħu li jippubblika l-inkjesta. “Nappella li nħallu lill-pulizija jagħmlu x-xogħol tagħhom. Ma nistenniex li min ilu jigdeb sena, sena u nofs, se joħroġ jgħid iva kont qed nigdeb,” sostna l-Prim Ministru li tenna li jrid ġustizzja u mhux vendikazzjoni.
“Nerġa’ ngħid filwaqt li li aħna forsi nistgħu nkunu minn ta’ quddiem li nħossu l-qrusa tal-aġir ta’ xi wħud… jien imbagħad nikkonsla ruħi bil-kbir li naf li din hi minoranza ċkejkna, ċkejna li meta tgħamel dan tassew turi kemm hi ċkejkna,” qal Muscat.
Meta mitlub jikkummenta dwar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li ħareġ fl-aħħar jiem il-Prim Ministru nsista dwar il-bżonn li l-gvern iżomm saqajh mal-art.
“Din hija sitwazzjoni anomala għall-aħħar li tirriżulta mill-froġa li għamel Simon Busuttil u li daħħal fiha lill-Partit Nazzjonalista. Kwalunkwe elezzjoni tibda minn xejn b’xejn,” saħaq il-Prim Ministru.
Spjega kif il-kwistjoni ta’ Egrant turi li l-Partit Laburista jibqa’ l-underdog fix-xena politika Maltija.
“Meta tqis inkjesta skandaluża bħal dik, il-mod kif ħareġ kien hemm min ippjana li ssir frame up fil-konfront tal-pajjiż… hemm ċertu istituzzjonijiet li kieku konna aħna li wettaqna dawn l-affarijiet, sa issa kieku mhux protesti hemm… il-bambin jaf kemm kien ikun hemm artikli u kliem u ħafna diskorsi fuq ir-rule of law. Minflok qisu l-attitudni hi iva ħadna naqra żball u m’hemmx x’tgħamel,” qal Joseph Muscat.
Quddiem dan kollu l-Partit Laburista huwa l-underdog meta mqabbel mal-establishment tal-pajjiż. “Għalhekk f’Awwissu ma tantx nieħdu vaganzi. Għalhekk inħabbru tal-SR, għalhekk inħabbru dwar l-isptar ta’ Għawdex. Għax il-poplu Malti u Għawdxi ma jieqafx jaħdem u ħaqqu gvern li jaħdem… tal-inqas kemm jaħdem hu,” temm il-Prim Ministru.