Ftit sigħat ’il bogħod mill-ftuħ uffiċjali tal-ewwel biennale tal-arti f’pajjiżna, mistednin u ġurnalisti minn madwar id-dinja ngħataw l-ewwel togħma ta’ dan l-akbar avveniment internazzjonali tax-xorta tiegħu. Din id-dawra ggwidata saret fis-siti ewlenin fejn se jkun hemm il-wiri tax-xogħlijiet tal-maltabiennale.art.
Dawn il-mistieden lokali u internazzjonali, flimkien ma’ għoxrin ġurnalist internazzjonali, żaru s-siti storiċi fejn hemm esebiti l-installazzjonijiet, mal-artisti nfushom, fejn fehmu l-ispirtu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni artistika estensiva, li se tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Mejju.
Huma ttieħdu fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Main Guard, fil-Bibljoteka Nazzjonali, il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Knisja tal-Pilar, il-Berġa ta’ Aragona u Underground Valletta.
Din il-gwida saret qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ, li se ssir it-Tlieta mill-President ta’ Malta George Vella, fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt.
Waqt il-gwida lil dawn il-mistiedna, ikkummenta l-President tal-maltabiennale.art u ċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar.
Qal, “Xhur twal ta’ tħejjija, issa wasalna, ftaħna l-bibien tagħna. Dan jgħidulu l-preview, jiġifieri fejn il-mistednin tagħna, li ġejjin minn madwar id-dinja kollha, jiġu u jduru u jaraw dak li hemm lest għall-pubbliku u għal min iżurna għal dawn ix-xahrejn u nofs li ġejjin. Esperjenza unika għall-artisti, esperjenza unika għalina, esperjenza unika għall-Mediterran, esperjenza unika għall-poplu Malti. Dan hu l-maltabiennale.art, l-ewwel edizzjoni. Merħba lkoll!”