L-Istat ta’ Missouri fl-Amerka fetaħ kawża fil-Qorti Federali Amerikana kontra l-Gvern Ċiniż. Il-kawża tallega illi l-uffiċjali Ċiniżi huma responsabbli għall-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għal ħafna mwiet, tbatija kif ukoll telf għall-diversi ekonomiji madwar id-dinja.
Fi Stqarrija, l-Avukat Ġenerali Repubblikan tal-Istat, Eric Schmitt qal illi l-Gvern Ċiniż gideb dwar il-perikli li jġib miegħu l-virus filwaqt li ma ħadimx biżejjed biex jitnaqqas it-tixrid tal-Coronavirus, u għalhekk għandu jinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ azzjonijiet.
Minkejja dan it-tentattiv, għadu mhux ċar jekk din il-kawża hix se tħalli r-riżultat mixtieq, infatti, l-liġi tal-Istati Uniti ġeneralment tipprojbixxi kawżi kontra pajjiżi oħra ħlief f’xi eċċezzjonijiet. Uffiċjal tal-Partit Demokratiku qed jgħid li din hija mossa tal-Avukat Ġenerali Repubblikan biex jerġa’ jiġi elett fl-elezzjoni li se ssir din is-sena.