Fl-Ewwel Gwerra Dinjija pajjiżna kien sar sptar għall-feruti tal-gwerra u bażi navali għall-bastimenti Ingliżi. Wara l-Gwerra, il-kolonjalisti Ingliżi bdew ikeċċu l-ħaddiema Maltin għax ma kienx baqa’ bżonnhom. Dawn is-sensji ġabu piżijiet ġodda għall-familji tal-ħaddiema u l-foqra. Kien ukoll żmien fejn il-ħaddiema bdew jintebħu bl-isfruttament tagħhom mill-klassijiet l-għoljin u l-ħakkiema barranin.
Fil-protesti tas-7 ta’ Ġunju, il-folla kienet talbet, fost l-oħrajn, ir-roħs tal-prezz tal-ħobż. Il-protesti saru wkoll kontra importaturi li kienu jappoġġjaw lill-Gvern Kolonjali.Wara ordni tal-Gvernatur, suldati Ingliżi fetħu n-nar fuq id-dimostranti u qatlu erbgħa minnhom – Lorenzo Deyer, Carmelo Abela, Giuseppe Bajada u Emmanuele Attard.
Din kienet l-ewwel protesta mill-Maltin minn meta fl-1802 l-imperu Ingliż assuma l-ħakma ta’ pajjiżna.
Il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju kienet katalist għall-ġrajjiet oħra importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Fl-istess sena kien twaqqaf formalment il-Partit Laburista Malti. It-twaqqif ta’ dan il-partit kien importanti għall-kisbiet importanti li għamlu l-ħaddiema Maltin u l-ġlieda għall-ħelsien.
https://youtu.be/qgEqSO6nBag
Bħal kull sena, il-Kumitat Festi Nazzjonali sellem lill-vittmi bi tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Filmat: Alex Borg