Missirijiet jistgħu jkunu maġenb marthom waqt il-ħlas tat-trabi u anke wara.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar rilaxx ta’ aktar miżuri relatati mal-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru tenna li l-missirijiet jistgħu jerġgħu jkunu maġenb marthom hekk kif issa l-isptarijiet se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-viżitaturi, grazzi għas-sitwazzjoni pożittiva tal-Covid-19 li jinsab fiha pajjiżna b’differenza għal pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Qal kif, “Il-pandemija għadha għaddejjha b’mod qawwi madwar id-dinja. F’Malta u f’numru żgħir ta’ pajjiżi oħrajn is-sitwazzjoni hija kemmxejn differenti. F’Malta s-sitwazzjoni hi li l-każijiet neżlin, illum ħa nkunu qed inħabbru li kellna 25 każ ġdid ta’ Covid-19.”
Id-Deputat Prim Ministru tenna wkoll ir-rata ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna li hija l-aqwa fid-dinja. Fil-fatt spjega li sal-lum se jkunu ngħataw mat-315,000 doża tal-vaċċin filwaqt li aktar minn 100,000 persuna se jkunu tlaqqmu biż-żewġ dożi.
Spjega kif sal-bieraħ aktar minn 90% ta’ persuni li għandhom 60 sena u fuqhom tlaqqmu bil-vaċċin kontra l-Covid-19. Diġà tlaqqmu wkoll żewġ terzi ta’ dawk li għandhom 50 sena jew aktar u 31,000 persuna li għandhom bejn 40 u 49 sena. Dan ifisser li tlaqqmu 43% ta’ din l-aħħar faxxa tal-età f’jumejn.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif dawk li mlaqqmin kompletament bil-vaċċin jistgħu jsiefru minn u lejn pajjiżna mingħajr ma jqattgħu żmien fi kwarantina grazzi għaċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Tenna wkoll li turisti li jridu jiġu lejn pajjiżna ma jistgħux jaqbdu ajruplan lejn pajjiżna qabel ma jipprovdu test negattiv.
Spjega, “Minn mindu nibdew nilqgħu t-turisti f’Malta mill-1 ta’ Ġunju se nkunu qed ninsitu li dawk il-persuni li jiġu Malta mingħajr it-tilqima ħa jkunu jridu jippreżentaw test negattiv tal-PCR qabel jitilqu minn pajjiżhom, qabel ma jitilgħu fuq l-ajruplan lejn Malta.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tenniet ukoll li l-medja ta’ każijiet kuljum huwa ta’ 32 każ jew rata ta’ 1.8% każijiet pożittiva kuljum.
Il-Professur Gauci tenniet ukoll li s-sitwazzjoni fl-isptarijiet Maltin hija tajba ħafna u b’hekk sostniet il-miżuri ta’ iġene u mitigazzjoni kontra l-virus sabiex is-sitwazzjoni pożittiva li għaddejjin minnha bħalissa pajjiżna, tibqa’ tiġi sostnuta.
Qalet, “Huwa importanti li kif ħabbarna l-miżuri li jistgħu jibdew jiġu rilaxxati minn għada dawn mhux se jkunu kif kienu qabel il-pandemija. Huwa essenzjali li dak li tgħallimna, hemmhekk huwa importanti li dawn il-miżuri jibqgħu fuq il-post permezz ta’ mezzi ta’ mitigazzjoni.”