It-Tlieta waranofsinhar, żewġ persuni mietu wara li żewġ missili laqtgħu l-villaġġ Pollakk ta’ Przewodów, li jinsab qrib il-fruntiera mal-Ukrajna.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li dawn il-missili laqtgħu żona fejn jinżamm il-qamħ u fuq il-post marru membri tat-tifi tan-nar u uffiċċjali oħra tas-sigurta u l-emerġenza.
Il-Polonja hija parti min-NATO u Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
“IL-MISSILA HIJA MAGĦMULA MIR-RUSSI” – IL-GVERN POLLAKK
Fi stqarrija, il-Gvern Pollakk permezz tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li kien għall-ħabta tal-3:40pm tat-Tlieta, meta missili niżlet fil-villaġġ ta’ Przewodów u konsegwenza ta’ hekk qatlet żewġ persuni.
Fl-istqarrija, il-kelliem tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Pollakk, Lukasz Jasina qal li l-Ambaxxatur Russu għal Polonja ġie mitlub jagħti spjegazzjoni għal x’wassal għal dan l-inċident.
F’din l-istqarrija mill-Gvern Pollakk ma ntqalx min spara jew minfejn ġiet sparata din il-missila.
IL-POLONJA SE TIEĦU AZZJONIJIET TA’ SIGURTÀ
B’reazzjoni dwar dan il-każ, il-Prim Ministru tal-Polonja Mateusz Morawiecki laqqa’ b’mod urgenti lill-uffiċjali tas-sigurta nazzjonali u tad-difiża. Il-Prim Ministru Pollakk sejjaħ dan il-każ bħala ”sitwazzjoni ta’ kriżi”.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-kelliem tal-Gvern Pollakk, Piotr Muller qal li l-armata Pollakka se tkun qed tlesti għal kull eventwalita.
Intqal li l-Gvern Pollakk qed jikkunsidra li jiskatta Artiklu 4 tan-NATO. B’dan jgħid li għandha tissejjaħ laqgħa urġenti bejn l-istati membri tan-NATO, hekk kif is-sigurta ta’ pajjiż tan-NATO tkun fil-periklu.
IN-NATO QED ISSEGWI S-SITWAZZJONI MILL-QRIB
Fuq Twitter, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg qal li tkellem mal-President Pollakk Andrzej Duda, fejn offra l-kondoljanzi tiegħu. F’din il-kitba, Stoltenberg sostna li n-NATO se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib sabiex ikunu stabbiliti l-fatti kollha.
L-AMBAXXATURI TAN-NATO SE JILTAQGĦU B’MOD URĠENTI
Tul il-jum tal-Erbgħa, l-ambaxxaturi se jkun qed jiltaqgħu b’mod urġenti sabiex jiddiskuti dan il-każ li ġara fil-Polonja. Din il-laqgħa urġenti se titmexxa mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg.
ZELENSKY JAKKUŻA LIR-RUSSJA
Il-President Ukren Volodymr Zelensky akkuża lir-Russja b’attakk bil-missili fuq il-Polonja, li hija membru tan-NATO u ddeskriva dan l-attakk bħala wieħed li huwa kontra s-sigurta kollettiva. Zelensky sostna wkoll li t-terrur Russu se jkompli u talab lill-mexxejja dinjija sabiex jieħdu azzjoni.
Intant, permezz ta’ Twitter, il-President Ukren qal ukoll li għadda l-kondoljanzi tiegħu f’telefonata li kellu mal-President Pollakk.
IR-RUSSJA TIĊĦAD
Il-Kremlin permezz tal-Ministru għad-Difiża ċaħad kull involviment li għandu x’jaqsam ma’ dawn il-missili.
Intqal li r-Russja ma sparat l-ebda missili lejn il-fruntieri ta’ bejn l-Ukrajna u l-Polonja.
Il-Gvern Russu sejjaħ din l-aħbar bħala “provokazzjoni sabiex teskala s-sitwazzjoni”.
IL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA “IMĦASSBA”
Permezz ta’ Twitter, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li tinsab “imħassba” dwar l-aħbarijeit mill-Polonja. Hija żiedet tgħid li l-Kummissjoni Ewropea qed issegwi bir-reqqa b’dak li qed jiġri, waqt li qed iżommu kuntatt mal-awtoritajiet Pollakki u anki alleati oħra.
IL-PRESIDENT TAL-KUNSILL EWROPEW JIRREAĠIXXI
Fuq Twitter, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li jinsab ixxukkjat b’din l-aħbar. Qal li l-Unjoni Ewropea hija mal-Polonja.
Charles Michel qal ukoll li huwa jinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Pollakki u membri oħra tal-Kunsill Ewropew.
Intant, permezz ta’ tweet oħra, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li tkellem mal-Prim Ministru Pollakk u assigurah li l-Unjoni Ewropea se tgħin lill-Polonja.
Intqal ukoll li matul il-jum tal-Erbgħa, huwa se jipproponi li ssir laqgħa mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li jinsabu għal-laqgħa tal-G20, fl-Indonesja.
Just spoke with @MorawieckiM.
— Charles Michel (@CharlesMichel) November 15, 2022
Assured him of full EU unity and solidarity in support of Poland.
I will propose a coordination meeting on Wednesday with EU leaders attending #G20 here in #Bali.
IL-GVERN UNGERIŻ U TAL-LATVJA B’LAQGĦAT TA’ EMERĠENZA
Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban laqqa’ il-Kunsill tad-Difiża t-Tlieta fit-8 ta’ filgħaxija, filwaqt li l-Prim Ministru tal-Latvja, Krišjānis Kariņš qal li se jkun qed jagħmel laqgħa ta’ emerġenza l-Erbgħa fl-10 ta’ filgħodu.
Dan filwaqt li pajjiżi oħra bħal Ġermanja, il-Finlandja u n-Norweġja se jkunu qed isegwu s-sitwazzjoni fil-Polanja bir-reqqa.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, James Cleverly qal li l-Gvern Brittaniku qed jagħti każ tas-sitwazzjoni dwar dan il-każ.
L-ISTATI UNITI SE TGĦIN FL-INVESTIGAZZJONIJIET DWAR DAN IL-KAŻ
L-Istati Uniti rrispondiet b’mod kawt għal dak irrappurtat li ġara fil-Polonja. Dan hekk kif il-White House u l-Pentagon qalu li ma jistgħux jikkonfermaw x’ġara eżatt u ntqal li qed jaħdmu mal-Gvern Pollakk biex jiżġuraw x’ġara.
Ftit sigħat wara dan il-każ, il-President Amerikan, Joe Biden kellu telefonata mal-President Pollakk, Andrzej Duda. F’din it-telefonata, il-President Amerikan qal li l-Amerikani se jkunu ta’ spalla għall-Polonja, fejn offra wkoll li l-Amerka tgħin fl-investigazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ missili.
FEJN JINSAB IL-VILLAĠĠ TA’ PRZEWODÒW?
Il-villaġġ ta’ Przewodów, fil-Polanja jinsab eżatt mal-fruntiera tal-Ukrajna u jinsab ftit inqas minn 80 kilometru mill-belt Ukrena ta’ Lviv. F’dan il-villaġġ jgħixu ftit iżjed minn 400 persuna.