Attakk b’missili Russi fil-belt Ukrena ta’ Kryvyi Rih matul il-lejl ħalla mill-anqas erba’ persuni mejta wara li ntlaqtet lukanda fiċ-ċentru tal-belt u kien hemm ukoll ħsara estensiva f’numru ta’ blokok ta’ appartamenti u ħwienet. Għexieren ta’ persuni qed ikunu rrappurtati feruti. Kryvyi Rih hija l-belt minn fejn ġej il-President Ukren Volodomyr Zelensky.
Din ma kinitx l-unika belt attakkata hekk kif 190 mil ’l bogħod attakki estensivi saru wkoll fuq il-belt ta’ Odesa fejn fil-mira kien hemm infrastruttura tal-enerġija u diversi djar. Qed ikun irrappurtat li mill-anqas hemm persuna mejta u tnejn feruti.
Dawn l-attakki waslu hekk kif il-President Ukren Volodymr Zelensky qed jipprepara biex aktar tard illum jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Ewropa waqt summit li qed isir fi Brussell. L-għan prinċipali ta’ dan is-summit huwa l-awmentazjoni fl-appoġġ tal-Ewropa lejn l-Ukranja wara li l-Istati Uniti ssospendiet l-għajnuna militari kif ukoll il-qsim tal-informazzjoni mid-Dipartiment tal-Intelliġenza li ġabu lill-Ukranja vulnerabbli għall-attakki mir-Russja.