Minn Novembru nibdew naraw id-dawl mat-twieqi jew mal-faċċati tad-djar li jagħtu dehra ta’ ferħ hekk kif ikun qed joqrob żmien il-Milied; kif ukoll uħud mit-toroq jkunu mżejna b’disniji bid-dawl li bla ma trid titfa’ ħarstek tammira s-sbuħija li ssaħħrek.
Fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara ltqajna ma’ Clinton Debono, li ilu snin jarma diversi toroq bid-dawl. Huwa spjegalna li kien missieru li nibet fih l-imħabba għall-Milied u li flimkien kienu jarmaw id-dwal fit-toroq.
“Missieri dejjem kien f’dan ix-xogħol, ilu 18-il sena mejjet, jiġifieri minn qabel dejjem, kont żgħir miegħu. Aħna konna dilettanti tal-festa wkoll, ġifieri minn hemm tibda l-ħajr. Tkun dilettant tal-festa, għax jekk ma tkunx dilettant, inutli.”
Dan huwa xogħol li jirrikjedi ħafna ħin, saħansitra jibda ferm kmieni jipprepara disinji ġodda u jgħawweġ il-ħadid fil-forom li fl-aħħar mill-aħħar naraw imdendlin fit-toroq.
“Jibda mill-ħadid, dak xogħli ngħawweġ u niwweldja, għandi ħabib tiegħi ukoll li jaħdem miegħi u imbagħad spray u wara l-ispray tal-ħadid nibdew ir-rope light u fairy lights u l-proċess għaddej. Kif naslu għall-fairy lights u jkun lest nibdew bl-ikkumnikar, biex ix-xogħol jinxtegħel.”
Clinton tenna li jkollu diversi talbiet b’mod speċjali minn kunsilli lokali sabiex iżejnu t-toroq prinċipali tal-lokalitajiet tagħhom.
Fil-fatt jekk għaddejt minn Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Birkirkara u Ħaż-Żabbar fost oħrjan żgur rajt id-dawl li rama’ Clinton Debono.
Clinton jieħu xogħlu b’serjetà liema bħala, fil-fatt spejgalna li darbtejn infila kien rebaħ il-kompetizzjonijiet tal-armar tal-Milied li kienu saru f’Raħal Ġdid.
Issa hu qed jittama li bħalma n-namra għaddiet għandu mingħand missieru, jagħmel l-istess ma’ bintu u n-neputi tiegħu, biex dak li nbeda snin ilu jibqa’ għaddej fis-snin li ġejjin.
Fil-fatt saħaq li jittamma li bħal ma jgħid il-Malti, bin is-sengħa, għandu nofsha.