“Missier memorji tar-ritratti għandi issa.” Dan kien kliem it-tifla ta’ Angelo Mangion, magħruf bħala “il-Pewx”, ta’ 58 sena minn Ħal Qormi li lbieraħ inqatel kiesaħ u biered bi tliet tiri fi sparatura li seħħet tard il-Ġimgħa waranofsinhar f’ħanut f’Ħ’Attard.
Doreen Xerri, bint il-vittma, qalet li missierha kien mar f’dan il-garaxx ferħan li se jkompli l-aħħar biċċa tas-seat tal-mutur għal ommhom, iżda fi kliemha spiċċa nqatel intortament.
“Missier memorji tar-ritratti għandi issa. Kif ħallejtna pa imma dak id-destin. Jalla minn kien jinqabad u jieħu li ħaqqu… kif ħadulnna lilek pa innoċentament. Kemm kont ferħan li kont sejjer biex tkompli l-aħħar biċċa tas-seat tal- mutur għax ommi ma setgħetx tkompli hi u kellek tiġi maqtul intortament”, qalet bint Xerri.
F’kumment emozzjonali fuq Facebook hija qalet li m’għandhiex kliem biex tirringrazzjah ta’ kemm għen lil familtha.
“Nixtieq li dak li ġara lbieraħ kien biss ħolma missier. Imma issa daqshekk tgħajjatli Durina kif kont tgħajjatli meta ssibni d-dar għand ommi.
Pa, nimmisjawk immens lejl sħiħ nistennewk tiġi imma ma tfaċċajċ. Missier ibqa’ żomm idejk fuqna. Żommna magħqudin. Ħares lil ommi għax imfarrka kif kulħadd hu. Pa, itlob għalina u ħarisna ħa ngħidlek tal-ahhar PA Lino PEWX strieħ fis-sliem”, temmet tgħid bintu Doreen.
Fl-istess waqt sħab il-vittma tellgħu ritratt tal-mutur tal-injam li kien qed jaħdem fuqu Anġlu qabel inqatel.
Mangion kien jaħdem in-nar mal-għaqda 23 t’April ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. F’post fuq Facebook l-għaqda rringrazzjat lil Mangion ta’ kull ma għamel u talbuh iżomm idejh fuq id-dilettanti tan-nar.
Dwar il-każ il-pulizija qed iżomm numru ta’ persuni fosthom suspettat ewlieni bil-qtil tiegħu.