“Issa missieri jista’ jistrieħ fis-sliem”, dak kien kliem Max Micallef, iben Cliff Micallef li disa’ snin ilu inqatel kiesaħ u biered waqt li kien qed isuq ir-rota fi Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Dakinhar tal-inċident, Micallef li kien qed jitħarreġ għall-Life Cycle tħalla mitfugħ mal-ġenb tat-triq wara li s-sewwieq tal-karozza, Anthony Taliana ħarab minn fuq il-post.
Il-bieraħ il-Qorti tat sentenza ta’ tliet snin ħabs lil Taliana wara li nstab ħati b’omiċidju involontarju ta’ Micallef u li saq meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi.
Is-sitwazzjoni aggravat ruħha wara li Taliana baqa’ sejjer biex iwassal lil passiġiera li kellhu miegħu Buġibba u wara mar il-Ħamrun biex iħalli l-vettura fil-garaxx ta’ missieru.