Bint it-Tabib Victor Calvagna, li ttajjar minn karozza jumejn ilu fil-Qawra, qalet li missierha għadu intubat u t-testijiet li sarulu mhumiex pożittivi.
Fuq il-profil tagħha fuq facebook, bint it-Tabib maħbub mat-tfal morda bil-kanċer u l-President ta’ Puttinu Cares, qalet li llum missierha se jsirlu MRI Test biex jiġu stabbiliti l-feriti li għandu f’rasu.
Qalet li missierha jinsab f’koma u appellat għall-aktar talb.
Hija rringrazzjat lil dawk kollha li talbu għalih diġà.
Sostniet li qalbha hi maqsuma iżda trid tittama għal ommha, oħtha, bintha, il-ħbieb u kollegi ta’ Dr Calvagna u l-pazjenti tat-tabib.
Calvagna ddaħħal l-isptar nhar it-Tlieta li għadda f’qagħda kritika wara li ntlaqat minn karozza tat-tip Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 31 sena minn San Pawl il-Baħar.
Dr Victor Calvagna huwa mill-Mosta u għandu 63 sena.