Minn Jannar sa Lulju ta’ din is-sena, aktar minn elf, sitt mija u sittin persuna għamlu użu mis-servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità, offruti f’sitt ċentri ta’ rijabilitazzjoni madwar Malta, li qegħdin f’Raħal Ġdid, fiż-Żejtun, f’Ħal Qormi, f’Bormla, fil-Furjana u fl-Imtarfa.
F’dawn iċ-ċentri jiġu offruti sessjonijiet individwali jew f’forma ta’ gruppi, minn occupational therapists jew care workers li jgħinu persuni bi sfidi mentali u jiggwidawhom biex ikunu indipendenti.
Fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid, iltqajna mal-Occupational Therapist, Stacy Debono, li spjegat kif min jagħmel użu mis-servizzi, isirlu assessjar biex ikunu magħrufa l-abbiltajiet tiegħu u l-għanijiet li jrid jilħaq.
Qalet, “Biex nagħtik daqsxejn eżempji, ċertu għanijiet ikunu li wieħed isib impjieg, li juża t-trasport pubbliku b’mod indipendenti, bażikament li jkun iktar indipendenti, anki fl-affarijiet tad-dar, eżempju li wieħed jitgħallem isajjar.”
Tkellimna wkoll ma’ Paul Buhagiar, missier żagħżugħ bl-awtiżmu u bl-ADHD, li ħass li ibnu kellu bżonn iktar indipendenza.
Qal, “Dik xi ħaġa li dejjem ridt inrawmu li jkun indipendenti allura rajt li ladarba hawn dan is-servizz, ersaq hawn biex jgħinuh għall-indipendenza, għax wara kollox minix etern u ’l quddiem irid jaqdef għal rasu.”
Is-sessjonijiet isiru darba f’ġimgħa u dejjem mal-istess professjonist, biex anki tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-individwi.
Paul jgħid li permezz ta’ dawn is-sessjonijiet, ibnu qed jiżviluppa ħiliet li mhux biss jgħinuh fl-immedjat, imma jservu tul ħajtu.
Qal, “Affarijiet bħal self care, li hija importanti għax huma ħafna drabi ma jagħtux kas id-dehra tagħhom, money management, issa qed jitfarfar u għandu bżonn jagħmel użu tajjeb mill-flus.”
Iben Paul kellu wkoll problemi fir-relazzjonijiet, speċjalment fil-mod ta’ kif kien iħares lejn is-sess oppost.
Qal, “Rajna kambjament ukoll kemm fil-fatt kif jirrelata magħna u mal-familja u anki ma’ sħabu speċjalment mas-sess differenti li huwa importanti għalih għall-ħajja tiegħu ’l quddiem.”
Il-professjonisti li joffru dawn is-servizzi jaħdmu ma’ persuni oħra fil-qasam tas-saħħa mentali u entitajiet fil-komunità, bħall-parroċċi, kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi.
Qalet, “Il-professjonisti tas-saħħa mentali li jaħdmu fis-servizz pubbliku jistgħu jagħmlu r-referral però ovvjament, is-service users jistgħu jressqu x-xewqa tagħhom li jibbenefikaw minn dan is-servizz.”
Paul ħeġġeġ lil ġenituri bħalu, li għandhom tfal bi sfidi mentali, biex jersqu ’l quddiem u jieħdu dan is-servizz bla ħlas.
Qal, “Meta niltaqa’ ma’ ġenituri li għandhom uliedhom ukoll bħal tiegħi, nissuġġerilhom kemm huwa importanti li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi li għandna ħafna minnhom imma ħafna drabi mhux kulħadd ikun jaf bihom. Ċertament minħabba l-progress li qed nara fit-tifel, ċertament li nissuġġerixxi u nirrakkomandahom.”