Il-Qorti tal-Appell naqset is-sentenza għal missier u żewġ uliedu wara li sabet xi nuqqasijiet fil-każ imressaq mill-Prosekuzzjoni.
Keith Mallia ta’ 48 sena minn Ħal Għaxaq, ibnu Mario ta’ 22 sena u ibnu ieħor li ismu ma jistax jixxandar għaliex meta ġara l-każ kien għadu taħt l-età, kienu mixlija li fi Frar tal-2016 pruvaw jisirqu minn banka tal-Lottu. L-allegat każ seħħ bejn it-tlieta u l-erbgħa ta’ filgħodu.
Huma kienu akkużati wkoll li kisru sentenzi oħra tal-Qorti u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Il-missier kien mixli wkoll li saq b’liċenzja skaduta u l-vettura kienet mingħajr polza ta’ assigurazzjoni.
Il-Qorti tal-Appell li kienet ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat li l-irġiel kienu arrestati viċin il-banka tal-lottu, ftit wara li daħlu, iżda membri tal-RIU xehdu li l-irġiel ppruvaw jaħarbu mill-garaxx.