Joseph Grech u ibnu Kurt magħruf bħala n-Nemes li jinsabu mixlija li f’April tal-elfejn u sbatax, fil-Ħamrun, qatlu lil Brandon Pace t’għoxrin sena, tilfu talba biex jitħassar il-mandat ta’ sekwestru ta’ nofs miljun ewro li għamlulhom il-familja tal-vittma.
Silvio u Liza Pace, li huma l-ġenituri tal-vittma, flimkien mas-sitt uliedhom, fetħu kawża kontra ż-żewġ akkużati.
Iż-żewġ akkużati sostnew li la l-vittma huwa missier, kellu jkun il-wild tiegħu li jfittixhom għad-danni u mhux il-ġenituri u ħutu.
Il-familja Pace qalet li m’hemm ebda ċertifikat li juri li l-vittma kellu t-tfal u għalhekk għandhom dritt ifittxuhom għad-danni.
Joseph u Kurt Grech ilmentaw ukoll li s-somma ta’ nofs miljun ewro mhix ġustifikata għax il-familja ma spjegatx kif waslet għal din iċ-ċifra.
Il-familja Pace qalet li din iċ-ċifra hija realistika meta tqis l-età tal-vittma u spjegat li ħadmitha fuq erbgħa u erbgħin sena xogħol.
L-Imħallef Robert Mangion innota l-argument tal-familja Pace u ċaħad it-talba taż-żewġ akkużati.