Il-blu u l-isfar jispikkaw fi tpinġija b’luzzu tradizzjonali Malti mdawwar bit-tonn, li tat il-ħajja lil taraġ ewlieni fil-Mellieħa.
F’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, li l-Melliħin isibuh bħala l-pjazza tas-Santwarju, iltqajna mal-missier u l-iben li ħarġu bl-idea u wettqu din il-biċċa tal-arti fil-qalba tal-Mellieħa.
Iż-żagħżugħ Pierre Zammit, imwieled u mrobbi fil-Mellieħa, qalilna kif fl-antik, belt twelidu kienet assoċjata mat-tunnara u għalhekk ħareġ bl-idea tal-luzzu u t-tonn.
Zammit qal, “Peress li noqogħdu l-Mellieħa u l-Mellieħa magħrufa ħafna għall-baħar, ġietni idea għal-luzzu u l-luzzu, peress li hija d-dgħajsa tradizzjonali ta’ Malta, taqbel ħafna ma’ kif qiegħda hawnhekk ħdejn il-pjazza u hija xi ħaġa li ħafna nies iħobbu jaraw.”
Missieru Lewis, li ilu żewġ deċenji jgħallem l-arti, spjegalna li hemm punt partikolari minn fejn din it-tpinġija għandha titgawda min-nies.
“Pittura bħal din tkun daqsxejn impenjattiva għaliex mhux bħal meta qed tpinġi fuq canvas jew fuq ħajt. Għandek il-perspective li ngħidulha anamorphic, li tkun imġebbda. Meta ma tarahiex mill-punt oriġinali tagħha, ħa tidher imġebbda allura trid issib il-punt eżatt biex tkun tista’ tara l-istampa ċara.”
Din it-tpinġija tlestiet tul it-tmiem il-ġimgħa li għadda, meta fil-Mellieħa kienu qed jiġu ċċelebrati l-Iljieli Melliħin.
Lewis qalilna li kellhom ħafna kummenti sbieħ min-nies li kienu għaddejjin mill-viċinanzi waqt li kienu qed ipinġu u oħrajn li rawha lesta.
Qal, “It-turisti l-iktar li jikkumentaw, jieħdu pjaċir, jieħdu ritratti, jistaqsu, però kien hawn ħafna Maltin ukoll. F’attivitajiet bħal dawn, normalment il-Maltin jitilgħu biex isibu l-vannijiet tal-ikel u joqogħdu jieklu, għall-inqas jaraw xi ħaġa differenti.” 16
Aktar minn kollox, l-artist qalilna li l-iskop wara din il-biċċa t’arti huwa li żżewweġ flimkien l-aspetti tal-arti, il-kultura, u t-tradizzjonijiet Maltin.