Missier u iben ilhom għal dawn l-aħħar ħamsa u tletin sena jaħdmu fuq mudell ta’ knisja. Proġett oriġinali għall-aħħar imsawwar b’fatturi partikolari li jagħtu ħajja lill-isbuħija tal-knejjes ta’ pajjiżna.
Żorna lil Salvu u lil Simon Mercieca fil-garaxx tagħhom, fil-Fgura, fejn ilhom jaħdmu fuq dan il-mudell għal dawn l-aħħar diċenji.
Simon Mercieca, it-tifel ta’ Salvu tkellem mal-mikrofonu ta’ ONE News u spjega kif minkejja li l-mudell ta’ din il-knisja jaf jidher komplut f’għajnejn kull min jarah, dejjem ikun hemm dettalji li jiżdiedu.
Din il-knisja ma jarmawhiex biss għall-festa tal-Kunċizzjoni iżda għal numru ta’ festi prinċipali matul is-sena.
Qal, “Aħna bdejna madwar 35 sena ilu. Jiena minn meta kont żgħir kont nilgħab b’xi artal dejjem u mill-artal ġew sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira u mbagħad dan il-mudell u dejjem għaddejjin u dejjem nibnu u nżidu. Dejjem hemm xi żżid jiġifieri ma tispiċċa qatt. Dan hobby is-sena kollha u barra din il-festa narmawh għall-Ġimgħa l-Kbira wkoll, Corpus, Festa tar-Rużarju, San Mikiel. Festi prinċipali ta’ matul is-sena.”
Simon qalilna kif għal dan il-mudell ingħataw anke għajnuna minn artisti Maltin bħal Renzo Gauci. Stqarr magħna li l-aktar ħaġa għal qalbu f’din il-knisja hija l-pulptu li sar madwar ħdax-il sena ilu u hu skulturat fil-ġewż.
Huwa qal kif kull dettall li jinsab f’dan il-mudell ħa ħafna ħin biex sar.
Semmielna kif per eżempju l-linef, id-damask u l-brazzi kienu fost l-aktar fatturi li ħadu l-ħin biex jitlestew.
Stqarr, “Li nixtieq li għad m’għandix pereżempju trieħi tal-artali. Trieħi tal-artali dawk li jkunu ħomor fuq l-artal u jkunu bir-rakmu fil-ġenb. Normalment ikunu bir-rakmu, l-arma ta’ dak l-artal partikolari pereżempju jekk tkun tar-rużarju tkun omidu Marija bil-kuruna dawm għad m’għandix. Fil-ħsieb li nżiduhom ‘il quddiem imma kollox bilmod.”
Għall-festa tal-Kunċizzjoni, dan il-mudell se jkun miftuħ għall-pubbliku sal-Ħadd, fi Triq il-Merħba fil-Fgura.