Investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar ta’ droga wasslet għall-arrest ta’ tlett irġiel, li kienu fil-pussess ta’ sustanzi differenti ta’ droga.
Wara informazzjoni dwar l-allegati suspettati, nhar il-Ġimgħa, il-Pulizja waqqfet vettura f’Buġibba li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ ħamsin sena. Miegħu fil-vettura kien hemm raġel ieħor ta’ disgħa u tletin sena.
Fi tfittxija li saret fil-vettura nstabu numru ta’ qratas bid-droga suspettata kokaina u eroina, lesti biex jiġu ttraffikati.
It-tfittxijiet komplew fil-Mosta, fir-residenza tar-raġel ta’ ħamsin sena fejn kien hemm ukoll ibnu, ġuvni ta’ erbgħa u għoxrin sena. Hawnhekk il-pulizija sabet blokka droga suspettata eroina pura ta’ madwar seba’ mitt gramma, arma tan-nar u ammont ta’ balal, fost oġġetti oħra li jintużaw fit-traffikar ta’ droga.
L-akkużati – Pierre Cremona ta’ 50 sena, ibnu Owen Cremona ta’ 24 sena, u Stefano Montebello ta’ 39 sena, tressqu l-Qorti l-Ħadd filgħodu, fejn ġew mixlija li kellhom fil-pussess tagħhom id-droga eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.
Pierre Cremona u Stefano Montebello ġew mixlija wkoll li kellhom il-kokaina, filwaqt li l-iben ġie mixli li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti.
Il-missier baqa’ jinżamm arrestat, filwaqt li ibnu u Montebello nħelsu.