Raġel ta’ tletin sena mill-Mosta ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest, wara li fil-Qorti ġie akkużat b’fastidju fuq l-eks sieħba, b’rabta ma’ tilwima li għaddejja bejniethom fuq aċċess ta’ binhom.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li t-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija kienet infurmata li l-mara għamlet tliet rapporti f’jumejn, fejn allegat fastidju, messaġġi, u insulti mill-eks sieħeb tagħha, li allegatament anki kien qed isegwiha. It-tliet rapporti saru f’Jannar.
L-Ispettur Omar Zammit spjega kif il-vittma marret l-għassa diversi drabi biex tipprova tara fejn hu binhom, li għad għandu biss sena u tmien xhur.
Wara li r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li spjegat kif il-Pulizija ppruvat tkellem lir-raġel diversi drabi, iżda dejjem ivvinta skużi biex jevitahom.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bħalma ċaħdet ukoll it-talba li r-raġel jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli, għaliex qalet li d-deċiżjoni hija f’idejn l-awtoritajiet tal-ħabs.