Dak li kellu jkun lejl ta’ sajd għal familja ta’ sajjieda inbidel f’wieħed traġiku wara li l-iskuna li kienu fuqha inkaljat ma’ sikka fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn.
Kawża tal-inċident tilef ħajtu żagħżugħ li kien fuq id-dgħajsa ma’ missieru li sfortunatament għadu mitluf. Iż-żewġ aħwa l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.
Marokkin ta’ 29 sena tilef ħajtu wara l-iskuna li kien qiegħed fuqha inqalbet fiż-żona Taż-Żonqor f’Wied il-Għajn. Flimkien mal-Marokkin kien hemm tliet persuni oħra li tnejn minnhom irnexxielhom jgħumu sax-xatt iżda raġel ieħor li x’aktarx huwa missier il-vittmi, għadu mitluf.
Ma’ l-ewwel sejħa għall-għajnuna skattat operazzjoni kbira ta’ tfittxija u salvataġġ mill-Forzi tal-Ordni u l-Isptar Mater Dei. Immedjatament fuq il-post marret id-dgħajsa tas-salvataġġ tal-Armata, Melita 1 flimkien ma’ ħelikopter fiż-żona tal-inċident. Il-Protezzjoni Ċivili li kienu fost l-ewwel fuq il-post niżlu mal-blat u tellgħu lill-ġuvni ta’ 29 sena li minkejja diversi tentattivi biex isalvawlu ħajtu ġie ċċertifikat mejjet fl-Isptar Mater Dei.
Għal ħin twil fiż-Żonqor kien hemm ukoll tim mediku, bit-tobba u infermiera mill-Emerġenza ta’ Mater Dei.
Ma’ sbieħ is-Sibt, it-tfittxijiet komplew fuq il-baħar mill-għaddasa tal-Forzi Armati fejn dehru jgħoddsu mad-dgħajsa u f’diversi żoni oħra tal-port. Madankollu il-bugħaddasa ma setgħux jersqu lejn id-dgħajsa minħabba l-ammont kbir ta’ ħbula u xlief li kien hemm mgħaqqda taħt wiċċ il-baħar.
Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jidher li ż-żewġ irġiel ta’ 34 sena li rnexxielhom jitilgħu l-art marru jħabbtu għall-għajnuna fuq il-bibien ta’ xi residenzi li jinsabu max-xatt. Aktar tard irriżulta li dawn l-irġiel sofrew ġrieħi ħfief.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li b’kollox kien hemm erba’ dgħajjes li ħarġu jistadu iżda għal xi raġuni, waħda mid-dgħajjes inqatgħet għaliha u nkaljat ma’ sikka li kien hemm ftit aktar ‘il barra.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.