Għal sena oħra ġiet mnedija l-NGO Assistance Scheme sabiex tkun sostnuta l-ħidma u l-operat tal-għaqdiet volontarji li huma bbażati f’Għawdex.
Din l-iskema, li hija amministrata mill-Ministeru għal Għawdex, hija intiża sabiex il-Gvern, fost l-oħrajn, jassisti lill-għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġett jew avveniment, jew ikunu se jwettqu xi inizjattiva b’risq il-komunità Għawdxija. L-għajnuna tingħata wkoll biex jissaħħaħ u jingħata sostenn lill-volontarjat f’Għawdex.
Għal din l-iskema qed tiġi allokata s-somma ta’ €120,000.
L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja li tista’ tingħata għal kull proposta huwa ta’ €5,000.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li din l-għajnuna hija sinjal ċar ieħor tal-fiduċja ta’ dan il-Gvern fil-ħidma volontarja f’Għawdex u fil-persuni li jsawru l-għaqdiet u li jaħdmu bla heda u mingħajr interessi.
Huwa qal li, fis-snin preċedenti, il-fondi allokati kienu ta’ sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat sabiex il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet baqgħet għaddejja.
Kompla jgħid li dan is-settur huwa kontinwament għaddej bil-ħidma tiegħu, speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ appoġġ fis-soċjetà, u tenna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsostni lil dan is-settur.
Il-Ministru Clint Camilleri qal “Din hija għajnuna diretta lil NGOs tagħna sabiex nibqgħu nkunu ta’ sosten anke lil NGOs fil-gżira Għawdxija. Inkomplu wkoll nuru, bħala Gvern, li nirrikonoxxu l-ħidma li jagħmlu mingħajr interessi.”
Kull min hu interessat jista’ jsib il-linji gwida u japplika online fuq https://www.vofunding.org.mt/funds/133.